Bjorn il-personalità tas-sena 2015 tal-ILLUM

B’aktar minn 3,000 vot....  

Bjorn Formosa, fundatur ta' ALS Malta • Ritratt: Chris Mangion
Bjorn Formosa, fundatur ta' ALS Malta • Ritratt: Chris Mangion

 

Bjorn Formosa huwa l-personalità tas-sena 2015 hekk kif mill-istħarriġ li sar minn illum.com.mt huwa ġab l-akbar ammont ta’ voti, mill-erba’ personalitajiet li din il-gazzetta innominat. Bjorn, li jbati mill-ALS u li huwa l-moħħ wara l-ALS Malta, kiseb 3,172 vot (70%) mill-qarrejja tagħna u numru kbir ta’ messaġġi ta’ kuraġġ u solidarjetà.

Malli l-istħarriġ tela’ online mill-ewwel deher ċar li l-favorit kien Bjorn. Ftit jiem biss qabel kien ingħata Ġieħ ir-Repubblika bħala rikonoxximent mill-Istat għal kif, minkejja d-diffikultajiet, qed jiddedika l-aktar mumenti diffiċli ta’ ħajtu għal ħaddieħor.

Jekk il-qarrejja tal-ILLUM urew entużjażmu billi vvutaw bi ħġarhom lil Bjorn, urew l-istess entużjażmu fin-numru kbir ta’ kummenti li ħallew taħt l-istħarriġ fuq is-sit illum.com.mt. “Bjorn huwa ispirazzjoni għal kulħadd għax filwaqt li hu stess għaddej mit-tbatija qed jirsisti u jaħseb f’dawk kollha li jbatu minn din il-marda,” sostniet Mariella Vella li magħha qablet Sharon Galea. Din il-qarrejja qalet li lil Bjorn ma tistax ma tammirahx, u “jmisslek qalbek.” Pauline Vella u Marielou Rodo t-tnejn esprimew l-ammirazzjoni li għandhom lejn Bjorn filwaqt li Josef Scicluna spjega kif Bjorn ta eżempju lil bosta. L-istess sentiment kien espress minn Anna Saliba li fakkret kif akkost tal-battalja “li għaddejja fih fiżikament u mentalment, xorta qed jaħdem għall-kura ta’ ħaddieħor.”

Fost dawk li ħallew kumment kien hemm uħud li semmew il-mod pożittiv li bih Bjorn qed jaffaċċja s-sitwazzjoni kollha, xi ħaġa li ħarġet ċara wkoll fl-intervista li dehret fil-ħarġa tal-ILLUM nhar l-20 ta’ Diċembru. “Bjorn vera kuraġġuż u qed jagħmel ħafna biex jgħin lil ħaddieħor” qalet Marie Vella, filwaqt li Alex Mizzi sostna li r-riżultat tal-istħarriġ tal-illum.com.mt jitkellem waħdu. “Bil-kuraġġ u ottimiżmu jħares ’il quddiem bla ma jaqta’ qalbu...mhux ta’ b’xejn spara ’l quddiem f’dan l-istħarriġ.” Danica Galea, qarrejja oħra tal-illum.com.mt, irringrazzjat lil Bjorn tal-ħidma tiegħu filwaqt li qalet kif fih tara “kuraġġ u hena.”

Intant, wara Formosa, it-tieni għażla tal-qarrejja kien l-isportiv Karl Izzo, kowċ tat-tim Nazzjonali tal-Waterpolo. Grazzi għall-ħidma ta’ Izzo, it-Tim Nazzjonali daħal għall-kwalifikazzjoni storika għall-Kampjonati Ewropej tal-Waterpolo li se jsiru f’Jannar li ġej fis-Serbja. Huwa kien ġie vvutat bħala l-kowċ tas-sena fl-Għażliet Sportivi Nazzjonali waqt li ngħata rikonoxximent ferm prestiġġjuż fil-MOC Sports Awards organizzat mill-Kumitat Olimpiku Malti.

In-nominati l-oħrajn tal-ILLUM għall-personalità tas-sena kienu Destiny, r-rebbieħa tal-Junior Eurovision 2015 u l-Arċisqof Charles J. Scicluna, li ħa f’idejh it-tmexxija tal-Knisja Kattolika f’Malta matul l-2015. 

More in Socjali