Kumpanija b'bażi f'Malta taqla' l-miljuni mit-trasferimenti tal-plejers tal-futbol

Kumpanija li għandha bażi f'Malta tixtri sehem mid-drittijiet tat-trasferimenti ta' plejers u tagħmel imħatri li se jogħla l-valur tagħom, u b'hekk tagħmel il-miljuni

Neymar huwa wieħed mill-plejers li l-kumpanija Doyen għamlet qligħ kbir mit-trasferiment tiegħu
Neymar huwa wieħed mill-plejers li l-kumpanija Doyen għamlet qligħ kbir mit-trasferiment tiegħu

Minn dokumenti ta' kumpanija kbira li tinvesti l-miljuni fit-trasferimenti tal-plejers tal-futbol, li nkixfu, jidher li Doyen Sports Investments li għandha l-bażi f'Malta, qed tagħmel qligħ ta' miljuni kbar minn prattika li issa ġiet imwaqqfa mill-FIFA.

Din il-kumpanija u oħrajn bħalha, iħallsu timijiet sabiex jagħżlu plejer partikolari biex jingħaqad magħhom, u fl-istess waqt jagħmlu l-imħatri tagħhom li l-valur ta' dan l-istess plejer ikun se jogħla. B'hekk, kumpaniji bħal Doyan Sports jagħmlu profitt qawwi meta l-plejer jiċċaqlaq minn tim għall-ieħor.

Dawn it-tip ta' kumpaniji saru sors ewlieni ta' introjtu għal bosta klabbs tal-futbol li jkollhom xi problemi finanzjarji.

Dawn it-trasferimenti jammontaw għal miljuni kbar ta' euro, bil-kumpanija tinvesti mal-€25m għad-drittijiet tat-trasferimenti ta' seba' plejers. Fost dawn il-plejers, wieħed isib fost l-aqwa u l-aktar plejers li jiswew flus, bħall-Brażiljan Neymar, li għalih il-kumpanija ħallset €6m lura fl-2012 u l-Kolombjan Radamel Falcao li għal sehem fit-trasferiment tiegħu, Doyen ħallsu €10m.

Is-sena li għaddiet, FIFA, li hija l-organizazzjoni dinjija li tirregola l-futbol, ipprojbixxew li investituri jixtru sehem mid-drittijiet ta' trasferimenti ta' plejers tal-futbol, ħaġa li hija l-investiment prinċipali ta' kumpaniji bħal Doyen. Minħabba f'hekk, il-kumpanija qed tfittex li tiġi revokata din il-klawsola fil-Qorti.

Dawn l-istess dokumenti li nħarġu, li dehru fuq is-sit Bloomberg, juru kif il-kumpanija Doyen Sports hija reġistrata f'Ta' Xbiex, bil-parti tagħha ta' Doyen Marketing tkun ibbażata f'Tas-Sliema.                                                                                                           

More in Socjali