GRTU: It-traffiku problema gravi għan-negozji

Tipproponi karreġġjata speċjali tal-Gozo Channel għal dawk li jitilgħu Għawdex fuq negozju

Fil-proposti tal-GRTU għall-baġit, apparti bosta miżuri oħrajn li jolqtu lin-negozju, hemm dawk li jirrigwardaw it-traffiku. F’kummenti ma’ din il-gazzetta, il-President tal-GRTU Paul Abela sostna kif it-traffiku u n-nuqqas ta’ parkeġġ qed ixekkel lin-negozji Maltin.

“Dawn iż-żewġ fatturi qed iħallu effett gravi fuq in-negozji Maltin hekk kif qed iwasslu għall-ineffiċjenza kbira u huma fil-fatt uħud mir-raġunijiet prinċipali għaliex il-Malti qed jippreferi jixtri online. Il-problema tat-traffiku qed tħalli effett negattiv fuq saħħet il-ħaddiem u qed tniġġes l-arja wkoll,” qalet il-GRTU.

Għaldaqstant, fl-isfond ta’ dan, il-GRTU appellat lill-Gvern sabiex jimplimenta miżuri “aggressivi” sabiex itaffi l-problema tat-traffiku. Fost il-miżuri li jistgħu jagħmlu dan, il-GRTU proponiet li s-sewwieqa ma jużawx il-karozzi tagħhom waqt il-ħinijiet tat-traffiku, li jiġu użati mezzi oħra ta’ trasport, li jkun hemm investiment f’sistemi ta’ parkeġġi, u li jintużaw aktar it-toroq sekondarji.

‘Pont jew mina f’Għawdex huma l-unika pass ’il quddiem’ 

Iżda filwaqt li ta’ kuljum, il-ħaddiem Malti jkollu jħabbat wiċċu ma’ sriebet ta’ karozzi mwaħħla fit-triq, għall-Għawdxin, l-isfida ta’ kuljum tieħu xejra differenti. Fil-fatt, il-GRTU issostni li n-nuqqas ta’ aċċessibilità u d-demografija huma proprju l-akbar sfidi li jesperjenzaw l-Għawdxin.

“Illum il-ġurnata, s-suq f’Għawdex huwa dgħajjef ħafna. M’hemmx biżżejjed opportunitajiet sabiex l-istudenti u l-ħaddiema jibqgħu f’Għawdex. Għawdex qed jitlef ir-riżorsi umani tiegħu hekk kif numru ta’ studenti qed jerħulha lejn Malta biex jistudjaw, u ftit huma dawk li jmorru lura.”

“Għoxrin sena ilu, Għawdex kien meqjus aħjar minn Malta, iżda llum xebgħet tingħata inqas importanza u mwiegħda wegħdiet li qatt ma jiġu mwettqa,” sostniet il-GRTU.

 “L-Għawdxin ma jistgħux jibqħu jiddependu fuq il-vapur ta’ Għawdex. Filwaqt li l-poplu Malti ma jistax jimponi fuq l-Għawdxin, inħoss li l-bini ta’ pont jew mina biex tgħaqqad lill-gżejjer flimkien huwa l-unika pass ’il quddiem,” kompla jgħid Paul Abela.

Mal-ILLUM, il-President tal-GRTU madankollu tenna li din hija biss miżura għat-tul u li għaldaqstant, hemm bżonn li l-Gvern jimplimenta miżuri fil-futur qarib.

Waħda mill-proposti tal-GRTU li spikkat u li żgur, jekk implimentata, se tqajjem kontroversja fost il-ħaddiema u l-istudenti Għawdxin hija li l-persuni li jmorru Għawdex għal xi negozju, jingħataw prijorità permezz ta’ karreġġjata separata, jew billi jitilgħu fuq vapur separat. 

“Hija vera li miżura bħal din tista’ tqajjem rabja fost l-istudenti u l-ħaddiema Għawdxin l-oħrajn  u għaldaqstant, nemmen li servizz bħal dan għandu jiġi offrut biss meta ma jkunx hemm ħafna traffiku u limitati biss għal numru ta’ vetturi jew passiġġieri,” Abela qal.

 “Il-Gvern għandu jissusidja wkoll servizz ta’ katamaran li jibda jopera bejn il-port tal-Imġarr u l-Belt Valletta. Bl-istess mod, il-Gvern għandu jwaqqaf courier service sabiex f’każijiet ta’ emerġenza, ma jkunx hemm dewmien,” il-President tal-GRTU kompla jgħid ma’ din il-gazzetta. 

Fost proposti oħrajn għall-gżira Għawdxija, il-GRTU qed issostni wkoll li kwalunkwe pjanijiet għall-iżvilupp għandhom jiġu kkunsidrati biss sakemm ma jagħmilx ħsara lill-identità tal-gżira. Għaldaqstant, huma tennew li l-iżvilupp high-end għandu biss jiġi kkunsidrat u li aktar minn hekk, hemm bżonn bidla radikali fis-settur tat-turiżmu Għawdxi. 

More in Socjali