Ġenituri ma jingħatawx rendikont ta' fejn qed imorru flushom fl-iskejjel tal-knisja

L-iskejjel tal-Knisja għandhom jippubblikaw il-kontijiet tagħhom, u li l-ġenituri għandhom ikollhom dritt li jagħmlu skrutinju

Filwaqt li f’dan il-pajjiż kulħadd jitkellem dwar it-trasparenza, jew in-nuqqas tagħha, mijiet ta’ ġenituri li jibagħtu lill-uliedhom fi skola tal-Knisja qed jitħallew fil-għama dwar fejn qed jintefqu flushom li jagħtu b’donazzjoni kull tliet xhur. L-ILLUM għamel kuntatt ma’ ħames skejjel tal-Knisja, bir-Rettur ta’ San Alwiġi jammetti li l-kulleġġ ma jippubblikax rendikont finanzjarju lill-ġenituri, kelliema tal-Kulleġġ Santa Monika tirreferina għall-Kurja tal-Arċisqof u rappreżentanti minn tliet kulleġġi oħrajn jgħidu li jippubblikaw l-kontijiet finanzjarji tagħhom.

F’kummenti mal-ILLUM il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo u l-Kummissarju tal-Organizzazzjonijiet Volontarji Kenneth Wain qablu li l-iskejjel tal-Knisja għandhom jippubblikaw ir-rendikont finanzjarju tagħhom, b’Bartolo jfakkar illi huwa “fl-interess tagħhom li jagħmlu dan.”

 F’Malta, l-prassi fost l-iskejjel tal-Knisja hija li għal kull semestru, il-ġenituri jintalbu biex iħallsu donazzjoni “volontarja.” L-ammont ta’ kull donazzjoni jvarja minn skola għal oħra, b’ ċerti skejjel ma jitolbu xejn jew donazzjoni minima ħafna, filwaqt li oħrajn “jistaqsu” għal sa €600 fis-sena. Minkejja dan, fil-kummenti tagħhom mal-ILLUM kemm Bartolo kif ukoll Wain fakkru illi f’nuqqas komplet ta’ gwida legali l-ebda skola tal-Knisja mhi obbligata li turi lill-ġenituri, iswed fuq l-abjad, fejn u għalxiex marru l-flus tad-donazzjonijiet tagħhom.

 

Iżjed fil-ħarġa tal-ILLUM

More in Socjali