Donazzjoni imprezzabbli li ma tiswielekx flus

L-Għoti tad-Demm

Il-ġenerożità tal-Maltin, kulħadd konxju minnha u spiss niftaħru biha, kemm jekk hija xi ġabra ta’ flus għall-karità u anke jekk xi ġbir ta’ ikel jew ħwejjeġ għal min ikun intlaqat minn xi diżgrazzja. Din il-ġenerożità bla limitu tidher ukoll fl-għoti tad-demm. Għalkemm Malta huwa pajjiż żgħir fid-daqs, huwa interessanti kif qatt ma kien hemm bżonn li jiġi impurtat xi demm minn barra l-pajjiż. Dan mhux għax ma kienx hemm bżonn, imma għaliex kull darba li kien hemm nuqqas kbir ta’ demm jew ta’ xi tip partikolari, ħarġet talba mill-Bank tad-Demm u l-ġenerożità dehret meta d-donaturi marru sabiex jgħinu lil min ikun jeħtieġ dan id-demm. F’ċertu każi, tiżdied id-domanda għad-demm meta jseħħu xi inċidenti tat-traffiku, iżda din tiġi kumpensata ammont ta’ donaturi ġodda, speċjalment meta jsiru appelli urġenti għad-demm.

L-għoti tad-demm hi waħda mill-iktar donazzjonijiet nobbli li wieħed jista’ jagħmel fejn għalkemm lid-donatur ma tkun qed tiswih xejn, lil min ikun se jibbenefika, tiswa ħafna għaliex jista’ jkun li tkun qed issalvalu ħajtu. Fi żjara liċ-Ċentru tal-Għoti ta-Demm u l-laboratorji tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm wieħed ikun jista’ jara d-dedikazzjoni li biha jaħdmu n-nurses, it-tekniċi tal-laboratorju u l-istaff kollu tas-Servizz, waqt li kollha jsostnu li din l-għotja għandha ssir b’tir wieħed f’moħħ id-donatur, dak li bid-donazzjoni tiegħu, ikun ser jgħin lil xi ħadd fil-bżonn.

Min jista’ jagħti d-demm?

Jekk persuna jkollha 17-il sena u mhux iktar minn 67 sena tista’ tagħti d-demm kull tliet xhur f’każ ta’ raġel u 4 xhur f’każ ta’ mara. Hemm xi każi fejn persuni ma jkunux eliġibbli biex jagħtu d-demm u dan ma jsirx b’kapriċċ imma biex ma tiġix ipperikolata s-saħħa tad-donatur jew tal-pazjent li se jirċievi d-demm, jew tat-tnejn li huma. Fil-fatt hemm diversi każi fejn persuna ma tkunx tista’ tagħti d-demm, allura hu rakkomandat li wieħed għandu dejjem jiċċekkja jekk hux eliġibbli sabiex jagħti d-demm.

Meta persuna tkun qed tieħu xi pilloli jew trattamenti, mhux neċessarjament tkun eskluża milli tista’ tagħti d-demm. Per eżempju nies li jkunu qed jieħdu l-pilloli kemm tal-pressjoni jew tal-kolesterol ikunu jistgħu jagħtu d-demm u anke nisa li jkunu qegħdin fuq il-pill jew l-HRT.

Min għal xi raġuni jew oħra ma jistax ikun donatur, għandu jipprova jħeġġeġ lil ħaddieħor sabiex jagħti d-demm u jkunu verament qed jagħmel il-parti tiegħu.

Min juża dan id-demm?

Huma diversi n-nies li jiġu bżonn id-demm, u f’ħafna mill-każi mingħajr ma jkun prevvist, għaliex l-aktar li jintuża d-demm huwa f’każi għallarrieda ta’ inċidenti tat-traffiku jew fuq il-post tax-xogħol. Minbarra dawn, jibbenefikaw mid-demm bosta pazjenti morda bil-kanċer foshom diversi tfal li tul is-sena jlaħħaq medja ta’ 36 tifel u tifla. Wieħed jista’ jgħid ukoll li madwar 10% tad-demm li jkollu l-Bank tad-Demm fl-Isptar Mater Dei, jiġi użat mill-pazjenti li jkunu morda bil-kliewi. Ta’ min isemmi  ukoll l-ammont ta’ demm li jintuża ta’ kuljum biex isiru numru kbir ta’ operazzjonijiet maġġuri. Wieħed jista’ jsemmi ukoll l-operazzjonijiet speċjalizzati li jsiru minn żmien għal żmien, bħal ngħidu aħna il madwar 20 operazzjoni tal-iskoljożi li fi ftit tal-jiem oħra ser isiru fuq għadd ta’ adoloxxenti, fejn bla dubju ser ikun hemm bżonn ta’ ammonti ikbar ta’ demm.

Id-demm wara l-għotja

F’donazzjoni waħda, jittieħed 475ml ta’ demm u ammont ieħor żgħir sabiex jintuża għat-testijiet biex jiġi determinat il-grupp tad-demm kif ukoll jiġi ttestjat għal xi mard infettiv. Il-proċess li tgħaddi minnu borża demm minn meta titlaq mingħand id-donatur sakemm tasal għand il-pazjent fil-bżonn huwa twil mhux ħażin. Minn borża demm, jinħarġu tlett prodotti, il-plażma, il-pjastrini u l-konċentrat ta’ ċelloli ħomor, għaldaqstant, b’għotja demm, tkun qed tgħin 3 pazjenti fi żminijiet differenti. Minn naħa tagħhom it-tekniċi tal-laboratorju jagħmlu xogħol twil fl-ittestjar u verifiki tal-kampjuni tad-demm li jaslulhom. Dan il-pass jittieħed b’serjetà kbira tant li l-verifiki jsiru iktar minn darba. Dan sabiex jiġi aċċertat li d-demm li jkun se jingħata lil pazjent ukun ħieles mill-mard u sigur u kemm jista’ jkun, għaliex kif sostnew it-tekniċi għal diversi drabi, “Mad-demm ma niċċajtawx.” Għalqastant meta l-kwalita’ tad-demm tkun dubbjuża minħabba li xi wieħed mit-testijiet ikun instab pożittiv għall-mard infettiv il-borża tad-demm tiġi mwarrba. Għalhekk ix-xjentisti tal-laboratorju jkunu attentissimi biex jikkonfermaw u jerġgħu jivverifikaw kull prodott tad-demm u ikunu ċerti li mil-laboratorji tal-ipproċessar qatt ma joħroġ prodott tad-demm li ma jkunx ta’ kwalita’. Marbut mal-kwalita’ tad-demm wieħed irid isemmi li meta xi boroż tad-demm tkun qabżitilhom x-shelflife, jiġifieri tkun qabżitilhom id-data tal-iskadenza, dawn jiġu ritornati lura fil-laboratorju tal-kontroll tal-kwalità u juġu wżati għal skopijiet tal-istess kwalità

Bżonn ta’ demm

Il-Bank tad-Demm, dejjem ikollu bżonn id-demm, anke meta ma jagħmlix appelli urġenti fil-mezzi tax-xandir, dan  għaliex fl-isptarijiet tal-gżejjer Matlin jintużaw madwar 50 borża. Fil-fatt Il-Bank tad-Demm spiss jiġi deskritt bħala il-bank bla bank, dan għaliex id-demm li jagħtu d-donaturi jdum fih ftit tal-jiem biss u dan wara li kif għedna jsirulu t-testijiet u l-verifiki kollha neċessarji qabel jittieħed fl-isptarijiet sabiex jintuża mill-pazjenti fil-bżonn.

Il-Bank tad-Demm sikwit jorganizza kampanji sabiex iħeġġeġ lin-nies jibdew jew ikomplu jagħtu d-demm, bil-mobile blood donation unit idur diversi lokalitajiet u attivitajiet sabiex ikun eqreb tan-nies. Riċentement bdiet ukoll kampanja li tgħaqqad l-għoti tad-demm mal-festi tar-raħal peress li l-istaġun tagħhom qiegħed dejjem joqrob. Dan isir billi jiġu mħeġġa n-nies tal-lokalità fejn ikun hemm il-festa tar-raħal biex f’dak ix-xahar jagħtu d-demm bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tagħhom u bil-ħsieb li jgħinu lil dawk li ma jsitgħux igawdu l-festa ta-raħal.

Żjara liċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa

Fi żjara tiegħi liċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa sabiex niġbor iktar informazzjoni dwar l-għoti tad-demm, kelli l-privileġġ li nara ftit mill-proċess li jinvolvi biex jinħareġ il-prodott finali. L-għan taż-żjara kien li nara xi jsir, u ma kienx fi ħsiebi li nsir donatur tad-demm għall-ewwel darba minħabba biża’ mil-labbra. Però, meta sirt naf iktar fuq kemm ikun qed isir ġid, u s-serjetà li bih isir ix-xogħol ikkonvinċejt lili nniffsi li tal-anqas għandi nipprova. Hekk għamilt, u fil-fatt tajt l-ewwel borża demm tiegħi.

Kelma ta’ kuraġġ

Jekk persuna bħali li kienet tibża’, għamlet il-kuraġġ u tat borża demm, ħadd m’għandu jaqta’ qalbu. Wieħed irid iżomm f’moħħu kemm ser isir ġid bl-għotja tiegħu.

Iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa jiftaħ kuljum (7 tijiem fil-ġimgħa)mit-8:00 sas-18:00 inkluż Ħdud u festi

Għal Iktar informazzjoni wieħed jista’ jżur www.blood.gov.mt

Facebook www.facebook.com/bloodmalta

220 66 201 jew 79307 307 waqt il-ħinijiet tal-ftuħ.

More in Socjali