Miżuri biex jitjieb l-istat ambjentali tal-Magħluq f'Marsaskala

Iż-żona ta' konservazzjoni hija parti mis-siti ta' Natura 2000

Waqt tindif li sar fl-istess sit fl-2014
Waqt tindif li sar fl-istess sit fl-2014

It-taqsima marittima tal-kontroll tal-ilma tax-xita u l-immaniġjar tal-widien fid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura, fi ħdan il-Ministeru għat-Transport u l-Infrastruttura, qiegħed jimplimenta numru ta’ miżuri bil-kollaborazzjoni tal-MEPA, biex itejjeb l-istat ambjentali ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni li tagħmel parti mis-siti Natura 2000 f’Marsaskala.

Iż-żona, magħrufa bħala l-Magħluq, fiha għadira b’ilma salmastru u hija waħda mill-ftit abitati ta’ għadajjar salmastri fil-gżejjer Maltin li tħaddan numru ta’ speċi ta’ flora li huma ristretti u vulnerabbli f’pajjiżna. Il-Magħluq huwa wkoll wieħed mill-ftit abitati tal-kosta li fihom jgħix il-Bużaqq (Killifish) (Aphianus fasciatus), speċi li qiegħda f’riskju kbir li tiġi estinta.

L-introduzzjoni ta’ tjur domestikat li jgħixu fil-Magħluq ħolqot numru ta’ problemi li wasslu sabiex dan is-sit protett jiġi fi stat degradanti. Waħda mill-miżuri li qed tiġi mwettqa hija r-rilokazzjoni ta’ dawn it-tjur li jgħixu fil-Magħluq.

L-ikel mhux mittiekel u l-ħmieġ tagħhom qiegħed iniġġes l-ambjent tal-għadira u qiegħed jikkontribwixxi għall-irwejjaħ fiż-żona. Barra minhekk, il-bajd u l-ikel mhux mittiekel jista’ jkun  fattur li jwassal għall-infestazzjoni ta’ ġrieden fil-madwar.

Wara li t-tjur jiġu maqbuda, ser jitpoġġew fi kwarantina u jiġu ttestjati għal xi mard infettiv. Dawk it-tjur mingħajr mard ser jiġu rilokati fil-villaġġ tal-papri fil-Gżira ta’ Forti Manoel, il-Gżira. Wara t-tneħħija ta’ dawn it-tjur, se jinbeda programm ta’ kontroll kontra l-ġrieden fil-Magħluq.

Il-bini ta’ Triq il-Qaliet fis-snin disgħin u l-akkumulazzjoni naturali ta’ materjal fil-Magħluq qed iwasslu għal nuqqas ta’ ċirkolazzjoni tal-ilma salmastru fl-istess għadira. Minbarra rwejjaħ, in-nuqqas ta’ ċirkolazzjoni qed iwassal għal nuqqas ta’ ossiġnu fl-ilma, u żieda fil-livelli tas-salinità u tat-temperatura tal-ilma, speċjalment fix-xhur sħan tas-sajf. Dawn il-fatturi qegħdin iħallu impatt negattiv fuq il-popolazzjoni vulnerabbli tal-Bużaqq.

Għaldaqstant, fil-ġimgħat li ġejjin, il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura se jagħmel studju magħruf bħala ‘Appropriate Assessment’ biex jidentifika l-possibbiltà li jitneħħa l-materjal mill-għadira tal-Magħluq u l-effett ambjentali li jista’ jirriżulta jekk isir dan.  Barra minhekk, il-pajpijiet li jgħaqqdu l-għadira mal-baħar qed jitnaddfu regolarment biex ikun hemm ċirkolazzjoni tal-ilma aħjar fil-Magħluq.

More in Socjali