Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Din is-sena 227 mara fittxew kenn minn vjolenza domestika

“l-abbuż huwa kontroll. Huwa l-biża’ żejjed – il-fatt li tkun trid tieħu permess għal kollox.” 

Christa Boffa / 19 t'April 2015 16:08
Pamela Cuschieri u Elaine Pavia
“Din is-sena daħlu 227 mara f’Dar Merħba Bik. Din allarmanti tassew – għax is-sena ta’ qabel kellna 88 mara. Bit-tfal b’kollox, daħħalna b’emerġenza 249 persuna vittmi tal-vjolenza domestika.”  Dar Merħba bik hija waħda mit-tliet djar ta’ kenn  għall-vittmi ta’ vjolenza domestika f’Malta. L-ILLUM ltaqgħet mal-kap ta’ din id-dar Pamela Cuschieri, kif ukoll mal-Amministrattriċi Elaine Pavia, flimkien mal-bqija tal-ħaddiema u volontiera tal-istess dar, huma l-ewwel punt ta’ kuntatt li jagħmlu nisa li ma’ uliedhom isibu dik ix-xrara ta’ kuraġġ biex ifittxu l-għajnuna u l-kenn mill-passjoni li jkunu għaddejja minnha d-dar.

“Irid ikollok kuraġg kbir biex titlaq kollox u tiġi f’shelter hekk! Mara ma tkunx taf minn xiex tkun għaddejja – kull każ differenti. L-aktar li jweġġgħuk huma meta jiġu f’nofs ta’ lejl fil-Milied, jew inkella fil-festi bħalma hi Santa Marija” tgħidli b’ton ta’dispjaċir Pamela, “aħna jiġu għandna b’emerġenza – aħna l-ewwel punt ta’ kuntatt tagħhom. Aħna nduru mal-bżonnijiet tagħha u jkollna pjan ta’ azzjoni biex naraw fejn sejrin biex ovvjament ma jkunx hemm telf ta’ ħin. Aħna naħdmu ħafna tal-Appoġġ, u fuq kollox naħdmu mal-mara biex naraw liema triq l-aħjar li tieħu. Hemm ħafna toroq differenti – hemm min jagħmel rikonċiljazzjoni għax is-sieħeb ikun għamel kors tal-anger management, jew inkella bl-appoġġ tal-familja l-mara tkun tista’ forsi tmur tgħix ma’ xi ħadd minnhom, inkella min ikun jiflaħ għaliha jkun jista’ jikri, anke forsi jieħu xi appartament bis-sussidju, jew jirbaħ id-dar matrimonjali. Aħna ma nagħmlux deċiżjoni għall-mara, ngħinuha tesplora t-toroq differenti biss. Aħna lin-nisa rriduhom indipendenti u rridu ngħallmuhom. Aħna ngħallmuhom dwar iċ-ċiklu tal-abbuż għax ħafna drabi ħafna min-nisa ma jkunux jafu li jkunu vittmi ta’ abbuż speċjalment meta jkun finanzjarju jew emozzjonali.”

 

L-abbuż fiżiku u sesswali min-natura tiegħu huwa ovvju. Imma l-abbuż fil-verità x’inhu? Pamela tgħidli li “l-abbuż huwa kontroll. Huwa l-biża’ żejjed – il-fatt li tkun trid tieħu permess għal kollox.” L-abbuż daqskemm hu differenti minn tip għall-ieħor, iħalli effetti differenti fuq il-vittma. Pamela tista’ tisħaq kontinwament fuq “il-poter u l-kontroll. Hemm ħafna min jgħidli ‘aħjar tani xebgħa milli kelma. Għax kelma tibqa’! Trid sessjoni wara sessjoni biex tinsiha – għax dan tista’ tkun l-isbaħ mara tad-dinja imma jekk kontinwament taħseb li inti kerha ħabba dak li jingħadlek, għalxejn!”

 

Ir-realtà tal-abbuż jgħixuha kuljum dawk li jaħdmu mal-vittmi. Elaine tirrakkuntali eżempji differenti, li huma biss ftit minn dak li jiltaqgħu miegħu kuljum huma. “Hemm każijiet li jgħidulek ‘qatt ma sawwatni imma anke b’ħarsa lili jwerwirni’ – anke meta mmorru l-qorti magħhom tarahom jitwerwru,” fejn tkompli turini kif kelma tista’ tibqa’ f’moħħ xi ħadd, b’tali mod li kollox ikun affettwat minnha, “aħna jiġu jitolbu permess minn għandna biex jagħmlu sempliċiment tazza te, jew tazza kafè. Jiġu jistaqsuni ‘nista’ mmur nagħmel tazza kafè jekk jogħġbok?’ jew anke biex jixgħelu t-televixin – jitolbuna permess għax draw hekk id-dar. Jekk is-sieħeb tagħhom ma jtihomx permess kien jaqtalhom il-wajer meta ma jkunx hemm biex żgur ma jixgħeluhx!”

 

B’dawn il-kummenti ma nistax ma nistaqsiex kif tkun ġurnata tipika f’Dar Merħba Bik. Elaine tgħidli “li kull jum tista’ tqisu miraklu – għax kif id-dinamiċi tan-nisa kollha jirnexxilhom jaqblu. Dan trid tqis li ġejjin minn sfondi differenti, b’kulturi differenti u fuq kollox ħadd mhu qiegħed hemm gost u pjaċir tiegħu. Kulħadd ikollu l-problemi tiegħu kuljum, speċjalment meta jkun hemm il-qorti, jew inkella għax ikun hemm xi argumenti mas-sieħeb jew anke mal-ulied.”

 

Iżda minkejja dan kollu, jidher li fid-dar hemm sens ta’ għaqda, li b’xi mod tirrenja fuq il-kwistjonijiet u nuqqas ta’ qbil li jkun hemm f’xi waqtiet. Kemm Elaine kif ukoll Pamela jirrakkuntawli x’sintonija hemm fid-dar “Aħna nirċevu donazzjonijiet imma xi kultant jidħol xi ħadd mingħajr assistenza soċjali jew bla sold u tara lil xi ħadd li ma għandu xejn, jipprova jagħti lil ħaddieħor xorta! Jixtru l-ikel lil xulxin, jew xi drabi anke sigaretti meta jkunu jpejpu. Filli jkollhom xi jgħidu, imbagħad filli tarahom hekk! Anke meta xi ħadd jidħol l-isptar, mhux dejjem ikun hemm xi ħadd li jista’ jmur magħhom. Allura jaraw kif jirranġaw biex xi ħadd jieħu ħsieb it-tfal ta’ xulxin ħalli waħda mir-residenti stess tmur magħha. Ikollhom xi jgħidu, imma jgħinu ħafna lil xulxin. Isiru qishom familja kbira.”

 

Daqskemm huma vittmi n-nisa fil-vjolenza domestika, huma vittmi, jekk mhux aktar it-tfal li kemm jekk ikunu vittmi tal-abbuż domestiku huma nfushom, u kemm jekk ikunu xhieda tal-vjolenza, dawn huma tfal li jġorru t-trawma li jkunu għaddew minnha tul ħajjithom kollha. “Il-professjonisti l-aktar li jaħdmu mat-tfal – għax imbagħad jibda jkollhom ukoll problemi bl-aġir tagħhom fl-iskola. It-tfal ikunu mħawda ħafna għaliex fiċ-ċiklu tal-vjolenza domestika hemm ukoll dak li nsejħu l-“honeymoon period” li fih l-omm u l-missier jidhru li reġgħu marru għall-aħjar. Allura t-tfal jibdew jitħawdu dwar x’qed jiġri mill-ġenituri tagħhom. Aħna naħdmu b’riżorsi limitati, u trid ukoll tara li jkollok l-appoġġ tal-iskejjel, tal-mużew u tara wkoll kif qed timmanifesta ruħha t-trawma – eżempju jxarrbu s-sodda jew joħolmu ikrah! Trid tipprovdi għajnuna apposta.”

 

L-għajnuna daqskemm tvarja għat-tfal, tvarja għan-nisa. Pamela tgħidli li “kemm jista jkun il-mara tibqa’ għaddejja bil-ħajja normali. Jekk għandha xogħol naraw li żżommu. Aħna ngħinuhom jaħdmu fuq il-ħiliet tagħhom – mara diġà jkollha l-ħiliet imma bil-counseling tħoss li tingħatalha aktar setgħa sabiex tagħmel dak li tixtieq. Minħabba l-abbuż imma mara ġieli qatt ma tkun kitbet ċekk, jew marret tagħmel ix-xirja – ġieli ħadnihom ġo ħanut tal-merċa biex ngħallmuhom kif jagħmlu x-xirja tagħhom.”

 

Dar Merħba Bik imexxuha r-residenti stess – fis-sens li għalkemm ir-residenti jridu jħarsu r-regoli, bħala xogħol tad-dar u tisjir u l-bqija, huma stess jagħmluhom. Min-naħa l-oħra, hemm 11-il impjegat fit-tim ta’ din id-dar, l-amministrazzjoni hija f’idejn is-Sorijiet tal-Bon Pastur. “Minħabba li aħna Organizzazzjoni Mhux Governattiva nkunu rridu nilbsu ħafna kpiepel! Li hemm bżonn irid isir. Aħna għandna l-irwoli tagħna imma nafu wkoll l-irwol ta’ xulxin għax jekk xi ħadd ikun nieqes irridu naħdmu xorta waħda. Mill-ftit riżorsi li għandna irridu naraw li nipprovdu kollox. Għalkemm għandna grant mill-gvern, aħna niddependu kompletament mid-donazzjonijiet u l-volontiera.”

 

L-għajnuna hija ċ-ċavetta għal organizzazzjoni bħal din – kemm minn organizzazzjonijiet oħra, mill-gvern, imma fuq kollox mill-poplu Malti u Għawdxi. Id-djar ta’ kenn minn vjolenza domestika hawn Malta jaħdmu Katina flimkien, fejn skont ma qaltli Pamela jiltaqgħu kull tliet xhur sabiex jiddiskutu u jtejbu l-għajnuna li jistgħu jipprovdu – u jaqsmu il-ħiliet, kif ukoll riżorsi speċjalment ta’ spazju bejniethom – “mhux xi ħaġa li tiġri ta’ spiss imma jekk ikollna mara li tiġi għall-kenn b’sitt itfal, mhux ħa jkollna post dejjem. Allura b’hekk naħdmu flimkien u ħalli jekk ma nistgħux nospitawha aħna, tospitaha dar oħra.”

 

L-għajnuna mill-pubbliku hija dejjem milqugħa. Minħabba li dan ikun l-ewwel stadju ikun hemm bżonn l-aktar ta’ ikel, ġugarelli u ħwejjeġ – “la jidħol xi ħadd ma jkollu xejn importanti li jsib kollox. Aħna nerfgħu kollox, speċjalment ħabba t-trabi. Ma tridx tinsa li anke sempliċiment ħalib tat-trabi, ma tistax tbiddillu l-ħalib u jekk jiġu f’nofs ta’ lejl m’hemm imkien minfejn tista’ tmur tixtri.”

 

Sfortunatament nisimgħu aktar każijiet ta’ vjolenza domestika li jkollu tmiem traġiku. Imma tajjeb ukoll li nisimgħu bil-kazijiet pożittivi – “kellna residenti bi storja tal-ġenn. Ġew jemmnu li mhuma xejn u pass pass spiċċaw gradwaw mill-università, saħansitra b’masters! Hemm min qas joħroġ jixtri ma kien jaf, imbagħad tarahom jinbidlu! Hemm nisa li ġew qas o levels ma kellhom, u llum saru xi ħadd. Qabel kienu jiddependu fuq xi ħadd u issa saru xi ħadd huma stess – f’oqsma differenti bħal moda, catering, management, tagħlim, psikoloġija! Kollha każijiet ta’ nisa li għadhom jiġu sal-lum il-ġurnata biex jirringrazzjawna.”

 

Dar Merħba Bik tospita nisa u t-tfal vittmi ta’ vjolenza domestika, u fil-fatt jiena nistaqsi hemmx xi differenza bejn vjolenza domestika fuq raġel u dik fuq mara. Pamela tfehmni kif normalment dan jinbidel anke minħabba li fiżikament il-mara tibża’ aktar minn abbuż sesswali jew fiżiku. Hemm ħafna differenzi oħra, anke minħabba l-fatt li forsi nisimgħu aktar bil-vjolenza domestika fuq in-nisa milli fuq l-irġiel, u b’hekk hemm min ma jkunx jaf li huwa vittma. Imma minkejja kollox, f’kull każ hemm xi ħaġa komuni waħda “id-dritt għad-deċiżjoni. Ħadd ma jista’ jikkontrollak – għandu jkollok il-libertà tiegħek. Dik hija vera relazzjoni,” ttemm tgħidli Pamela. Il-bieb ta’ Dar il-Kenn huwa dejjem miftuħ, kemm għal min għandu bżonn l-għajnuna, kif ukoll għal min jixtieq jagħtiha.
 

 

L-għajnuna lil Dar Merħba Bik tista’ tingħata f’forma ta’ donazzjonijiet fuq il-kont HSBC 110-69-424-003, f’forma ta’ donazzjonijiet materjali, kif ukoll permezz ta’ volontarjat. 

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook