Dawn il-kapijiet għad iridu jidhru quddiem alla u jħallsu ta’ dak li għamlu, it-terroriżmu mhux reliġjon

Il-President tal-Ahmadiyya Muslim Jamaat fil-programm Reporter fuq TVM

Mistqosi dwar l-Islam li suppost hi reliġjon bażata fuq il-paċi mill-preżentatur Saviour Balzan, Laiq Ahmed Atif qal, “Jihad ma tfissirx li toqtol, iżda battalja interna. It-terroristi huma terroristi. It-terroriżmu mhux reliġjon. Hemm bżonn aktar djalogu bejn ir-reliġjonijiet, fejn għandna inxerrdu imħabba u mhux mibegħda.”
Mitlub jikkumenta dwar il-karikaturi dwar Mohammed jekk offendewhx hu qal, “Fejn narahom naqleb l-istazzjon, iżda Mohammed qatt ma ħema vjolenza. Fil-fatt hu qal li jekk xi ħadd jattakkak bil-pinna għandek tirritalja bil-pinna.”
Dwar għaliex ċerti Iżlamiċi jirritaljaw bi vjolenza, Atif qal li hemm diversi raġunijiet li jwasslu biex in-nies jirritaljaw b’dan il-mod. “Hemm in-nuqqas ta’ edukazzjoni, in-nuqqas ta’ xogħol, fristrazzjoni u anke l-‘brain washing’ ta’ ċertu kapijiet. Ħafna minnhom huma ġejjin mill-faqar, orfni u jdaħħlulhom f’moħħhom li triq waħda għandhom biex isibu ħajja aħjar li jagħmlu dawk l-atti. Huma jiġu mwegħda l-ġenna. Fuq min għandha tintefa l-ħtija fuq dawn l-imsejkna jew fuq il-kapijiet tagħhom? Dawn il-kapijiet għad iridu jidhru quddiem alla u jħallsu ta’ dak li għamlu.”
Il-Musulmani għandhom dritt li ma jiġux offiżi qal l-leader musulman, “Il-liberta tal-espressjoni hi dritt, iżda l-umanita għandha dritt ukoll. L-Iżlam jgħid li dak kollu li wieħed jagħmel irid isir b’diċenza. Iva dawk li pinġew il-karikaturi għandhom dritt jagħmlu dan, iżda anke l-musulmani għandhom dritt. Dritt li ma jiġux offiżi.”
Atif qal li hu ma jaf bl-ebda immam f’Malta li qed jippriedka tagħlim inflammatorju fost il-musulmani li hawn Malta. “Anzi l-kontra, kull musulman għandu jintegra u jobdi l-liġijiet tal-pajjiż fejn ikun qed jgħix. L-imħabba lejn artek hi parti mill-fidi musulmana. Jekk ngħix Malta irrid inħobb lil Malta. Jekk jien musulman ħażin nagħmel li rrid, iżda jekk jien musulman tajjeb inħobb l-art li ngħix fiha.”

More in Socjali