Kienet sena li offritilna ħafna sfidi - Mario Grech

Qed ngħixu f’soċjetà pluralistika fejn hemm spazju għal kulħadd u għal kollox

L-isqof Mario Grech ma' Papa Franġisku
L-isqof Mario Grech ma' Papa Franġisku

L-isqof Mario Grech beda l-ħajja reliġjuża tiegħu wara li bħala żgħażugħ kien għamel esperjenza ta’ volontarjat f’Għawdex stess fejn kien imur bħala voluntier ma’ Dun Manwel Curmi li kien jieħu ħsieb persuni b’diżabilità. Jirrakkonta li għal xi żmien kien qed jgħin żgħażugħ ftit akbar minnu wara li dan li kellu inċident fil-baħar u spiċċa f’siġġu tar-roti. Jgħid li din l-esperjenza ikkonsolidat it-twemmin tiegħu li ried ikun ta’ għajnuna lill-ħaddieħor permezz tal-għajnuna t’Alla.

Qegħdin noqorbu lejn tmiem is-sena, kif tiddeskrivi din is-sena partikolari għall-knisja Maltija?

Kienet sena li jekk nirriflettu sewwa dwarha, naraw li kienet sena li offritilna ħafna sfidi u jekk inħarsu lejn ċertu tibdiliet li kellna madwarna, anke ċerta tibdiliet fil-leġiżlazzjonijiet, għalija dawk huma indikazzjoni li aħna bħala komunita nisranija rridu naħdmu iktar fuqna nfusna. Qed ngħixu f’soċjetà pluralistika fejn hemm spazju għal kulħadd u għal kollox, imma naħseb li l-attitudni tiegħi bħala nisrani hi li nirrijafferma l-konvinzjonijiet tiegħi aktar fil-profond u nifhem għaliex ċerta deċiżjonijiet u mhux oħrajn.

Tara iktar tibdil fil-futur immedjat li s-soċjeta tagħna għad trid tgħaddi minnu?

Iva nara għaliex sfortunatament aħna nistgħu naħsbu iktar u ngħidlek għaliex. Darba l-Professur Ġuże Aquilina kien qal “we are not a thinking nation” u dik lili jien tbeżżani ħafna. Nemmen li l-Professur Aquilina għandu raġun għax kieku aħna nirriflettu aktar, mhux biss mil-lenti kristjana imma aktar mill-aspett razzjonali, naslu biex naraw li r-raġuni u l-fidi mhumiex kontra xulxin.

Inti r-rgħaj tad-djoċesi t’Għawdex, tara li hemm lok għal ħidma aktar konġunta bejn id-djoċesi li tmexxi int u dik Maltija? X’jista jsir iżjed minn dak li qed isir jew sar sal-lum?

F’dawn id-disa snin ħdimna ħafna flimkien u għamilna diversi passi l-quddiem. Biżżejjed ngħid li bħala konferenza episkopali matul dawn id-disa snin iltaqjna darba fix-xahar, xi ħaġa li ma kienitx issir qabel. Hemm il-kummissjoni tal-katekezi u x-xandir tal-vanġelu. Il-kummissjoni tal-ambjent, il-kummissjoni żgħażagħ u diversi oqsma oħra imma xorta nemmen li hemm lok għal aktar ħidma konġunta. Il-globalizzazjoni mhuwiex biss kunċett fid-dinja lajka imma anke fid-dinja tal-knisja w’allura rridu niġbru aktar ir-riżorsi tagħna fejn wara kollox l-isfidi tad-djoċesi ta’ Għawdex u ta’ Malta huma prattikament l-istess.

Imma il-fatt li pajjiż żgħir bħal Malta għandu żewġ djoċesi meta kkumparat ma’ pajjiżi oħra fejn djoċesi waħda jkollha miljuni ta’ nies, ma’ taħsibx li għal pajjiżna djoċesi waħda hi biżżejjed?

Ma naqbilx miegħek. Veru li t-trend fil-knisja hi li tgħaqqad djoċesijiet flimkien imma fiċ-ċirkostanzi li qegħdin ngħixu fihom bħalissa f’pajjiżna, fejn għandna strutturi u riżorsi biżżejjed biex iż-żewġ djoċesijiet jibqgħu għaddejin, ma’ narax raġuni biżżejjed li għandna ningħaqdu fi djoċesi waħda.

Imma tini raġuni jew eżempju . . .

Bil-qalb kollha. Dan l-aħħar kien hemm laqgħa għall-animaturi tal-liturġija u jien mort nattendi għaliha u qadt f’nofs il-miġemgħa. Fi tmiem il-laqgħa l-kelliem qal li aħna xxurtjati li ċ-ċkunija tad-djoċesi tagħna tagħmila aktar possibli li l-Maltin ikunu daqshekk viċin l-isqof. Xi ħaġa li fi djoċesi kbar barra minn Malta tkun impossibli għall-isqof li jkun daqshekk viċin in-nies bħal ma’ aħna mdorrijin f’pajjiżna. Punt ieħor hu li jien naf in-nagħaġ tiegħi  kwazi kollha b’isimhom u allura din tkompli ssaħħaħ ir-relazzjoni ta’ bejnietna fl-aħjar interess tal-Knisja.

Spiss tkun mistieden minn Kappillani Maltin sabiex tmexxi funzjonijet f’Malta tant li ħafna minnhom iħarsu lejk b’ċerta stima u rispett . . . 

Għalkemm jien isqof ta’ Djoċesi jien ukoll isqof tal-Knisja u għalhekk inħoss li fejn niġi msejjaħ u fejn nista nagħti xi ħaġa mill-ministeru tiegħi allura dak ix-xogħol nagħmlu mill-qalb. Meta nkun mistieden jien nitlob li almenu jkolli omelija fejn inkun nista nikkomunika il-kelma. Ma nieħux gost inkun mistieden sempliċement għal apparenza u nammetti li ġieli rrifjutajt inviti fejn ma’ kienx hemm lok li jien inkun parteċipi bil-preżenza tiegħi. Il-prijorita tiegħi hi li dejjem inkun katekista.

Ħadt il-ħatra tiegħek wara l-mibki Isqof Nikol Cauchi. X’kienu l-ewwel deċiżjonijiet importanti jew iebsa li kellek tieħu fit-tmun tal-Knisja Għawdxija?

L-isqof t’Għawdex għandu l-impenn li jmur il-festi titulari kollha u allura jien ħadt il-briga li nippriedka fil-festi jien, jiġifieri dawk il-famużi paninġierki, hemm min jakkużani li jiena qridthom u li jien ma’ naghtix lok għal min hu paninġerkista biex jagħmel il-paninġierku. Jien pero ħadt din l-inizjattiva biex kemm jista jkun f’Għawdex kollu nagħti xeħta aktar pastorali lill-festi tagħna u ngħin biex jonqos il-parrokjaliżmu li kien hemm. Dik kienet xi ħaġa li sal-lum għadha tkerraħ xi uċuħ. Hemm ukoll id-deċiżjoni li jiena ħadt li ma’ jkun hemm ebda kapillan fil-parroċċa tal-oriġini tiegħu, xi ħaġa li għalkemm qed nattwaha għad hemm min jagħmilli reżistenza bħal ma’ kien hemm fir-Rabat u li kulħadd jaf l-istorja.

Il-qassisin fil-parroċċi huma il-front liners tal-Knisja u dawk li verament iħossu il-bżonnijiet tan-nies fit-triq. Kemm hu mportanti li l-qassisin ikollhom is-sostenn sħiħ tal-kurja u li jsibu min jismagħhom meta jiffaċċjaw mumenti diffiċli?

Jien nixtieq li l-knisja tkun anqas klerikali fejn is-saċerdot jaħdem il-missjoni insostitwibbli tiegħu imma jkollu miegħu għajnuna minn lajċi  jkunu ffurmati. Nemmen li hemm izjed spazu fejn lajċi jistgħu jikkontribwixxu fi ħdan il-Knisja. Hemm bżonn li aħna nimxu minkeb ma’ minkeb man-nies. Dwar il-ħtieġa li l-qassisin ikunu sostnuti fejn meħtieġ, din hija neċessita importanti ħafna. Pastoralment mhix sitwazzjoni feliċi meta għandek min ikun qed iħossu waħdu u għalhekk nemmen li s-sostenn lis-saċerdoti hu mportanti. Fejn mitlub, jien dejjem nagħmel l-almu tiegħi li nsib il-ħin u għalkemm mhux dejjem fl-immedjat, nipprova li xi ftit ħin x’imkien insibu.

Hu fatt magħruf li fil-knisja għandek nies li ilhom iżommu ċerta karigi għal numru twil ta’ snin u ħlief għal xi ċaqlieq ta’ postijiet l-istess nies ilhom hemm għomor. Taħseb li hemm bżonn ta’ evalwazzjonijiet perjodiċi ta’ dawn in-nies u li jsir tibdil skont il-ħtieġa?

Fuq il-prinċipju naqbel u sfortunatament s’issa dan mhux prinċipju applikat fil-knisja. Hemm imbgħad realtà oħra, li meta tiġi biex issib in-nies mas-sibx min hu lest jew għandu l-kwalitajiet neċessarji għall-uffiċċji. Imma ara ma naħsbux li għandek ħafna minn fejn tgħażel.

Int kif tgħażlu kappillan?

Bħala Kappillan jiena dejjem infittex lil xi ħadd li għandu passjoni għal Kristu u għall-bniedem. Bħala Kappillan irid ikollok traxxinatur, persuna li jrid ikollu animu pastorali.

Kif tħares lejn il-futur tal-Knisja?

Irridu naħdmu biex nibnu mudell ġdid tal-Knisja. Għandna bżonn ċwiemen ġodda. Bħal meta għandek dgħajsa marbuta bil-ħabel li qed jitmermer jew jiżżarrat u li jekk jinqata d-dgħajsa tintilef mal-kurrent hekk ukoll hemm bżonn li l-knisja tagħna tirriforma u tissaħħaħ biex tibqa fid-djalogu mas-soċjeta.

Int ħdimt mal-Isqfijiet Ġużeppi Mercieca, Pawl Cremona u Charles Scicluna. X’temmen li huma l-kwalitajiet li hemm bżonn li jkollu l-Arċisqof il-ġdid ta’ Malta?

Kwalitajiet ta’ bniedem mimli b’passjoni għal Sidna Ġesu Kristu għax fuq Ġesu Kristu jrid ikellimna u naturalment ikollu wkoll passjoni għall-bniedem. Meta l-bniedem ikun għaddej minn taħt il-mewġ, għandu bżonn min ittaptaplu fuq spalllejh u jgħinu biex jitla l-fuq mill-ilma u jieħu n-nifs. Dawn huma kwalitajiet li personalment nemmen fihom ħafna.

F’Ottubru li għadda int ipparteċipajt fis-sinodu ta’ l-Isqfijiet, liema sinodu għadu pendenti u miftuħ għad-diskussjoni. Kif hu mistenni li jaffettwa l-knisja f’Malta u x’għandha x’titgħallem il-knisja Maltija minn dan is-sinodu?

Għalija dan kien sinodu singulari. Jien għext sinodu ieħor li kien immexxi mill-Papa Benedittu XVI sentejn ilu imma m’hemmx paragun fid-dinamika kif żvolġa dan is-sinodu taħt Papa Franġisku. Kien sinodu li għinna niffukaw fuq affarijiet ta’ mportanza fundamentali mhux biss għall-Knisja imma anke għall-bniedem u l-familja. F’Malta għadna m’għamilniex dak li kellna nagħmlu wara s-sinodu ta’ xahrejn ilu. Kien hemm żewġ dokumenti li baqgħu għaddejjin fuq l-irjus. Dawn huma l-messaġġ tas-sinodu li jinbgħat lid-Dinja u id-dokument finali li ma ġewx diskussi la fil-fora tal-knisja u laqas fil-fora esterni.

Jista’ jkun li dan ġara minħabba r-riżenja ta’ Pawl Cremona?

Jista jkun iva imma fuq dan is-suġġett importanti ħlejna xahrejn. Nitkellem ma’ gruppi fi ħdan il-knisja u dawn ma’ jafux x’gara matul dan is-sinodu u din hija mankanza gravi ħafna.

Il-midja nnutat li waqt kolazzjon matul is-sinodu, il-Papa Franġisku taptaplek fuq spallejk . . .

Il-midja għandha ħafna fantasija.

Fantasija jew il-midja tipprova taqra xi sinjali?

Le xejn minn dan. Filwaqt li matul is-sinodu ta’ sentejn ilu l-Papa Benedittu kien jingħalaq waħdu f’kamra jieħu l-kafe, dan il-Papa dejjem kien preżenti magħna u jitkellem u jikkomunika magħa, anke waqt il-ħin ta’ waqfa kafè. Imma xejn iżjed minn hekk.

X’inhu l-awgurju tiegħek f’dawn iż-żmien ta’ festi?

Il-Milied hu xahar ta’ dwal iteptpu u jixgħelu imma jasal Jannar u d-dwal jintfew. Jien nixtieq li din il-kewba tad-dawl ta’ Bethlem tibqa tiddi fostna u ma’ tintefiex. Ġesu Kristu huwa dawl li kapaċi jixgħel anke fil-qalb ċkejkna tagħna l-bnedmin.

More in Socjali