13-il miljun mara fl-UE jesperjenzaw vjolenza domestika

"Il-vjolenza kontra n-nisa hi kwistjoni li teħtieġ bidla fil-kultura" - Comodini Cachia

"Bħala unjoni li għandha bażi fuq id-demokrazija u waħda li tirrispetta d-dinjità umana ma tistax tibqa' tinjora l-każijiet persistenti ta' vjolenza fuq in-nisa. Wara kull każ hemm persuna li qed tisfa vittma ta' dan kollu. L-UE għandha tħeġġeġ l-istakeholders kollha biex jikkumbattu dan ir-reat, jipprovdu aċċess aħjar għall-ġustizzja u appoġġ aħjar lilll-vittmi."

Therese Comodini Cachia fil-Plenarja fi Strasburgu
Therese Comodini Cachia fil-Plenarja fi Strasburgu

Dan qalitu l-MEP Therese Comodini Cachia waqt sessjoni ta' plenarja fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, fejn kienet qed tiġi diskussa l-ġlieda kontra l-vjolenza domestika fl-Ewropa.

L-iskala tal-problema hija allarmanti, b'figuri ppubblikati fi stħarriġ tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali. Hemm madwar 13-il miljun mara fl-UE li esperjenzaw vjolenza domestika u 3.7 miljun mara fl-UE li esperjenzaw vjolenza sesswali fit-tnax-il xahar ta' qabel sar l-istħarriġ.

Din hi indikazzjoni ċara li l-vjolenza kontra n-nisa fl-Unjoni Ewropea hi problema, ġerħa fuq is-soċjetà umana li tieħu diversi forom. L-UE għandha taġixxi malajr u tiżgura li prattiċi ta' vjolenza fuq in-nisa fl-istati membri, bħal m'huma vjolenza domestika, it-traffikar tan-nisa, l-istupru u forom oħra ta' abbużi psikoloġiċi, emozzjonali u fiżiċi ma jibqgħux jiġu ttollerati u dawk li jwettquhom jaffaċċjaw il-ġustizzja.

"L-istati membri u l-istakeholders iridu jingħaqdu u jaħdmu flimkien u jifhmu li l-vjolenza fuq in-nisa mhux biss problema tan-nisa, iżda problema soċjali li ma tistax tibqa' tiġi aċċettata" saħqet Comodini Cachia.

More in Socjali