"L-immigranti jirrikjedu l-aċċettazzjoni" - Papa Franġisku fil-Parlament Ewropew

L-Ewropa tista' taffronta l-problemi marbuta mal-immigrazzjoni "biss jekk hija kapaċi tasserixxi b'mod ċar l-identità tagħha"

Il-Papa waqt iż-żjara tiegħu fil-Parlament Ewropew
Il-Papa waqt iż-żjara tiegħu fil-Parlament Ewropew

Il-Papa Franġisku jibgħat messaġġ "liċ-ċittadini kollha tal-Ewropa" fil-Parlament Ewropew

Il-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem kienet tema ewlenija fl-indirizz formali mogħti mill-Papa Franġisku lill-Membri tal-Parlament Ewropew illum. L-immigrazzjoni, il-protezzjoni tal-ambjent, u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija kienu fost is-suġġetti enfasizzati fid-diskors bit-tema "Ewropa biex tiskopri mill-ġdid l-aħjar tagħha."

Huwa u jiftaħ is-seduta formali, il-President tal-Parlament Martin Schulz qal li n-nuqqas ta' fiduċja fil-politika, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew, huwa "tremend", u saħaq li l-ebda istituzzjoni ma tista' topera jekk ma jkollhiex appoġġ. "Għaldaqstant jeħtieġ li kollha kemm aħna nikkooperaw biex nakkwistaw mill-ġdid din il-fiduċja mitlufa," huwa qal.

Schulz saħaq fuq il-"miri komuni" tal-UE u tal-knisja Kattolika fil-promozzjoni tal-"valuri tat-tolleranza, ir-rispett, l-ugwaljanza, is-solidarjeta u l-paċi," filwaqt li żied jgħid li "L-Unjoni Ewropea tirrifletti l-inklużjoni u l-kooperazzjoni, u  mhux l-esklużjoni u l-konfrontazzjoni".

Id-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità

"Nixtieq nibgħat messaġġ ta' tama u ta' inkoraġġiment liċ-ċittadini kollha tal-Ewropa", qal il-Papa Franġisku lill-MEPs. Huwa qal li d-dinjità kienet il-kunċett fundamentali fil-proċess ta' rikostruzzjoni tal-Ewropa wara t-Tieni Gwerra Dinjija u faħħar il-fatt li "l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem hija ċentrali għall-impenn tal-UE fil-ġlieda tagħha favur id-dinjità tal-persuna", kemm fl-Unjoni kif ukoll fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi.

Il-Parlament Ewropew għandu "r-responsabbiltà li jżomm ħajja d-demokrazija għall-popli Ewropej": id-demokraziji m'għandhomx jitħallew "jikkollassaw taħt il-pressjoni ta' interessi multinazzjonali li mhumiex universali", qal il-Papa Franġisku, filwaqt li żied jgħid li "Wasal iż-żmien li jiġu promossi politiki li joħolqu l-impjiegi, iżda aktar minn hekk hemm il-bżonn li tiġi ristawrata d-dinjità tax-xogħol billi jiġu żgurati kondizzjonijiet ta' xogħol adegwati". 

L-ambjent u l-immigrazzjoni

"L-Ewropa dejjem kienet minn tal-ewwel fil-promozzjoni tal-ekoloġija", saħaq il-Papa. Ir-rispett tal-ambjent ifisser li l-ambjent ma jiġix meqrud, iżda wkoll "li jintuża għal skopijiet tajba", bħall-produzzjoni tal-ikel għal dawk li jeħtieġuh.

Il-Papa Franġisku indirizza wkoll il-kwistjoni tal-flussi tal-immigrazzajoni lejn l-UE. Huwa qal: "Ma nistgħux inħallu l-Mediterran isir ċimiterju kbir", filwaqt li saħaq li n-nies li jaslu bid-dgħajjes jirrikjedu "aċċettazzjoni u assistenza". L-Ewropa tista' taffronta l-problemi marbuta mal-immigrazzjoni "biss jekk hija kapaċi tasserixxi b'mod ċar l-identità tagħha", huwa żied.

Il-Papa kien mistieden mill-President Schulz, f'isem il-Parlament Ewropew, meta kien fuq żjara uffiċjali l-Vatikan fil-11 ta' Ottubru 2013. Din hija l-ewwel żjara fil-Parlament ta' Papa f'26 sena. L-aħħar żjara kienet fl-1988, meta l-Papa Ġwanni Pawlu II indiizza lill-Parlament, sena biss qabel il-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin.

More in Socjali