Leġislazzjoni dwar it-trapjanti tal-organi

Se tiġi mħejjija White Paper dwar is-suġġett

Iċ-Chairpersons tal-Kumitati Permanenti tal-Parlament, dak dwar is-Saħħa Etienne Grech u dak dwar l-Affarjiet Soċjali Deborah Schembri, nedew sensiela  ta’ laqgħat bejn Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra, u b’mod konġunt qed jiddiskutu u janalizzaw it-temi kollha relatati mat-trapjant tal-organi u t-tessuti. Dawn se jsiru billi jiġu wkoll mistiedna l-istakeholders kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-qasam, inkluż l-Organ Donation Support Group, psikologi u esperti fil-bijoetika, il-LOTAC Committee, u esperti mediċi u legali f’dan il-qasam, flimkien mal-amministraturi tal-isptarijiet pubbliċi.
 
Fejn tidħol leġislazzjoni ġdida, f’dan il-qasam tant delikat, l-opinjonijiet jiġu trattati mingħajr politika partiġġjana. Wara li jintemmu dawn il-laqgħat fl-aħħar ta’ din is-sena se jitħejja rapport bir-rakkomandazzjonijiet li jkun hemm qbil demokratiku dwarhom fuq it-trapjanti tal-organi u tessuti mill-perspettiva legali. Pari passu mar-rapport mill-Kumitati Parlamentari se tiġi mħejjija White Paper dwar dan is-suġġett mill-Ministeru tal-Enerġija u s-Saħħa li għandu jkun lest fil-bidu tas-sena d-dieħla.
 
Dejjem se jinżamm il-prinċipju li ssir konsultazzjoni wiesgħa mal-poplu. Apparti minn mal-esperti u l-organizzazzjonijiet.  Wara li joħorġu ż-żewġ dokumenti, issir konsultazzjoni pubblika li primarjament jiġu spjegati u diskussi l-għażliet tal-modi kif isir dan l-att nobbli tad-donazzjoni tal-organi jew tessuti kemm fil-ħajja (live donor) u anke wara l-mewt ta’ persuna (cadaveric donor). L-għażla tal-mod prattiku jrid ikun dejjem b’mod li n-nies f’ħajjithom ikunu nfurmati fuq kollox dwar l-għoti tal-organi wara l-mewt, u kemm ikun il-piż li għandu jingħata lid-deċiżjonijiet kemm tad-donatur f’ħajtu u tal-persuni li jiġu minnu wara mewtu. Iridu jiġu kjarifikati xi miskonċezzjonijiet dwar dan l-att nobbli. Il-modi li jintgħażlu jridu jkunu konformi mal-kultura u l-etika tal-lum tal-popolazzjoni Maltija u Għawdxija. Leġislazzjoni waħedha ma tkunx biżżejjed jekk ma jsirux preparamenti importanti bħal Transplant Co-Ordinating Teams ibbażati fl-isptar Mater Dei li jistgħu jżommu database ta’ persuni li jixtiequ jħallu l-organi jew tessuti wara mewthom.
 
Dan il-proċess għandu jdum numru ta’ ġimghat fejn imbagħad l-eżitu jgħaddi mill-Kabinett tal-Gvern u jiġu abbozzati l-liġijiet jew emendi ġodda sa madwar nofs is-sena 2015, fejn imbagħad jiġu ppreżentati fil-Parlament għad-diskussjoni fl-istadji kollha sakemm il-leġislazzjoni ġdida tiġi ffirmata mill-President u tiġi fis-seħħ.

More in Socjali