'Kull fejn inkun nibża' li se jattakkawni' - 18-il sena ħabs għal raġel li attakka tfajla biex jisraqha

Il-każ kien seħħ fi Sqaq Lourdes f'San Ġiljan bir-raġel bit-tfajla tispiċċa kważi b'għonqha mħanxar

“Minn dakinhar nibża’ nimxi waħdi, speċjalment bil-lejl. Mhux Malta biss. Kull fejn tkun tibża’ li xi ħadd se jattakkak. Nibża’ li xi darba jkun liberu u nispiċċaw fl-istess post.”

Hekk xehdet tfajla li lura fl-2016, meta kellha 25 sena, spiċċat attakkata u b’għonqha kważi mħanxar minn raġel li ried jisirqilha l-handbag u li llum ingħata sentenza ta’ 18-il sena ħabs.

Ir-raġel, Libjan, kien akkużat b’attentat ta’ omiċidju, b’serq ta’ handbag u mowbajl, li kien qed iġorr arma mingħajr liċenzja, li kiser il-paċi pubblika u li sar reċidiv.

Il-każ kien seħħ fi Sqaq Lourdes f’San Ġiljan fit-28 ta’ Awwissu tal-2016, fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu.

Dalgħodu l-mara rrakkontat kif dan l-inċident affetwalha ħajjitha sal-lum il-ġurnata.

Spjegat kif dakinhar, fuq il-post, tilfet ħafna demm u spiċċat tilfet l-vuċi għal diversi xhur.

Hija taħdem bħala interpretu, tant li ma setgħetx tkompli b’xogħolha sakemm fieqet sewwa.

“Kont imbeżża’ ħafna li ma kontx se nerġa’ nitkellem,” fetħet qalbha quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti.

Fuq għonqha għad għandha l-feriti li għadhom jidhru.

L-akkużat wieġeb ħati f’Jannar li għadda.

Apparti l-ħabs, huwa kien ordnat iħallas €7,282.
 

More in Qrati u Pulizija