'Il-libertà tal-espressjoni tinkludi d-dritt li tkun pastaż, insolenti u vulgari' - Borg Cardona

Jinstema' fil-Qorti każ miftuħ mis-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar kontra raġel li għajjarha prostituta

'Il-libertà tal-espressjoni tinkludi d-dritt li tkun pastaż, insolenti u vulgari u għandhom jittieħdu passi biss meta jkun hemm ħsara għar-reputazzjoni ta' persuna.'

Hekk sostna fil-Qorti l-avukat Andrew Borg Cardona meta kien qed jiddefendi lil Godfrey Leone Ganado illi f'kumment fuq Facebook kien għajjar lis-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar prostituta. 

Huwa qal li Cutajar ma tistax tgħid li saret ħsara lir-reputazzjoni tagħha meta hi qatt ma ħadet azzjoni kontra kummenti ta' terzi persuni. Huwa qal dan f'referenza għal stejjer u kummenti dwarhom li fihom jingħad li Cutajar kienet tagħti servizzi sesswali telefoniċi. 

Leone Ganado kien qal f'messaġġ fuq Facebook illi "l-ħamalli, prostituti u call girls għandhom dritt li jkunu rappreżentati fil-Parlament."

Edward Gatt, l-avukat ta' Cutajar sostna illi l-aktar li weġġa' kien l-aġġettiv użat. 'Immaġina kieku dan l-aġġettiv kien attribwit lill-membru tal-familja ta' Leone Ganado!" irrimarka Gatt.

Hu qal li l-Qorti għandha tieħu pożizzjoni iebsa u tibgħat messaġġ ċar, anke tordna ħlas għad-danni ... "id-depuat kienet ilha tissapporti kummenti simili, minn nies li kienu ilhom juru din l-attitudni tosta."

Borg Cardona iżda qal illi, kienu kemm setgħu kienu vulgari l-kummenti ta' Leone Ganado, dawn ma jgħoddux bħala malafama. "Li tqabbel persuna ma' prostituta ma jfissirx illi verament hija prostituta imma għax l-atteġġjament tagħha huwa vulgari."

More in Qrati u Pulizija