24 immigrant arrestati wara 'rewwixta' f'Ħal Kirkop

Skont il-Pulizija, l-immigranti, b’wiċċhom mgħammad, bdew ikissru u ma bdewx jobdu l-ordnijiet tal-uffiċjali tad-detenzjoni

24 immigrant ġew arrestati wara li ħadu sehem f’dik li l-Pulizija sejħitilha “rewwixta” fis-Safi Barracks ta’ Ħal Kirkop.

Jidher li l-każ seħħ ilbieraħ, ftit wara s-sebgħa ta’ filgħaxija.

Skont il-Pulizija, l-immigranti, b’wiċċhom mgħammad, bdew ikissru u ma bdewx jobdu l-ordnijiet tal-uffiċjali tad-detenzjoni.

L-istess persuni bdew jaqilgħu knaten minn mal-bini u jwaddbu biċċiet minnhom lejn l-uffiċjali, waqt li wettqu ħsara fid-dormitorji u l-kamra tal-uffiċjali tad-detenzjoni.

Il-Pulizija kkontrollaw is-sitwazzjoni u arrestaw lill-persuni involuti.

Huwa qed jinżammu d-depot u mhux eskluż li jitressqu l-Qorti taħt arrest aktar tard. 

More in Qrati u Pulizija