Il-Qorti tikkonferma inkjesta kontra wieħed mis-sidien tad-ditta legali Chetcuti Cauchi

Il-PN isejjaħ mill-ġdid biex il-Gvern jissospendi l-Programm taċ-Ċittadinanza b'Investiment

Il-Qorti Kriminali kkonfermat id-deċiżjoni tal-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo biex tinfetaħ inkjesta kontra Jean Chetcuti, wieħed mis-sidien tal-kumpanija Chetcuti Cauchi li spiċċat f’nofs kontroversja wara li l-istess avukat instema’ jiftaħar dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ uffiċjali tal-Gvern ma’ ġurnalist Franċiż li ppoża ta’ aġent ta’ xi ħadd li ried jakkwista ċ-ċittadinanza Maltija.

Chetcuti, kien ressaq applikazzjoni quddiem il-Qorti Kriminali bil-għan li tkun revokata d-deċiżjoni tal-Maġistrat Farrugia Frendo, li kienet laqgħet talba tal-NGO Repubblika biex issir inkjesta maġisterjali dwar il-kumpanija tiedħu u l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni b’rabta mal-programm tal-IIP.

Fid-deċiżjoni tagħha, l-Imħallef Edwina Grima saħqet li l-allegat reat kriminali li dwaru Chetcuti se jkun investigat, jista’ jwassal għal piena ta’ tliet snin ħabs.

Fi stqarrija b’reazzjoni, il-kelliem tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina saħaq li din id-deċiżjoni hija konferma oħra ta’ kemm l-iskema taċ-ċittadinanza qed tagħmel ħsara lill-pajjiż.

“Il-PN ilu sa mill-bidunett iwissi li l-iskema ta' bejgħ tal-passaporti hija skema li tagħti isem ħażin lil pajjiżna u qed tirvina r-reputazzjoni tajba li pajjiżna rnexxielu jikseb fuq numru twil ta' snin,” saħaq Aquilina.

Kompla jisħaq li fil-Qrati għaddejja wkoll inkjesta oħra dwar korruzzjoni u ħasil ta’ flus miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri fil-bejgħ tal-passaporti. 

“F’dan l-iskandlu jirriżulta li Keith Schembri rċieva €100,000 f’kont li huwa kellu fil-bank Pilatus mingħand kumpanija sigrieta ta’ Brian Tonna. Dawn il-flus kienu ġejjin mill-bejgħ ta’ numru ta’ passaporti Maltin lil tliet Russi,” fakkar Aquilina.

Temm jisħaq li l-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli għandhom jerfgħu r-responsabbilità politikau titwaqqad minnufih din l-iskema.

Rapport tal-Uffiċċju tar-Regolatur tal-Programm Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment kien ikkonkluda li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni ta’ kommunikazzjoni jew indħil bejn Chetcuti Cauchi u s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli, jew xi uffiċjal ieħor tal-Gvern.

More in Qrati u Pulizija