Żagħżugħ akkużat li biegħ il-kokaina lil żagħżugħ ta' 17-il sena f'Paceville

L-akkużat wieġeb mhux ħati iżda nżamm arrestat

Żagħżugħ minn Ħal Qormi nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li biegħ id-droga lil żagħżugħ ta’ 17-il sena f’Paceville.

Iż-żagħżugħ kien arrestat fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd wara li pulizija rawh jgħaddi kontenitur bil-ħaxixa tal-kannabis lil ħaddieħor f’Paceville.

Il-Pulizija wettqet tfittxija fuq l-akkużat u nstab li kellu fuqu wkoll 100 gramma kokaina.

Huwa kien akkużat li ssupplixxa u li kellu fil-pussess tiegħu l-kokaina u l-kannabis.

Aktar kannabis instabet fid-dar fejn jgħix.

L-Ispettur Joseph Xerri qal lill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li fl-istess lejl, żagħżugħ ta’ 17-il sena kien arrestat fil-klabb Havana wara li nstab li kellu l-kokaina.

Iż-żagħżugħ indika li l-akkużat kien tah id-droga.

L-akkużat qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, bl-Avukat Franco Debono jitlob il-ħelsien mill-arrest.

Debono saħaq li l-akkużat għadu żgħir u minkejja li kellu problema bid-droga, il-kondotta tiegħu hija nadifa.

Insista wkoll li l-ammont ta’ droga misjuba ma kinitx esaġerata

‘Għadu fi stadju fejn jista’ jkun salvat,” qal l-Avukat.

Madanakollu, il-Maġistrat ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, fosthom għax iż-żagħżugħ ta' 17-il sena għad irid jixhed.

More in Qrati u Pulizija