Raġel ta' 30 sena mill-Fgura nstab ħati ta' pussess ta' droga u ġie mmultat wara li kien arrestat f'Raħal Ġdid. Huwa kien ipprova jaħrab mill-pulizija hekk kif dawn kienu qed ifittxu għal sigaretti tal-kuntrabandu, iżda dawn ġrew warajh, qabduh u sabu ammont żgħir ta' eroina u pakketti vojta bi traċċi biss tal-istess droga.
Dan l-arrest seħħ lura fl-2013 meta kienet qed issir spezzjoni fl-Elvis Bar f'Raħal Ġdid għal sigaretti tal-kuntrabandu.
Wieħed mill-ispetturi kien innota lill-akkużat iżomm pakkett tas-sigaretti li kien simili għal dawk li kienu qed ifittxu huma, imma meta staqsewh biex jurihom il-pakkett tas-sigaretti huwa ħarab minn fuq il-post.
Il-pulizija telqu jiġru warajh u osservawh jarmi diversi oġġetti huwa u jiġri.
Wara li qabduh sabu fuqu pakkett ta' trab kannella u 14-il pakkett ieħor bi traċċi tal-istess sustanza.
Espert tal-Qorti xehed illum u qal illi 0.28 grammi ta' eroina nstabu fil-pussess tal-akkużat b'purità ta' 22%.
Rappreżentanti ta' Sedqa preżenti fil-Qorti dalgħodu qalu illi r-raġel kien qed ifittex l-għajnuna għall-vizzju tad-droga u fiż-żmien li għamel taħt il-kustodja tagħhom ma kienx ħa droga.
Tqajjem il-punt dwar il-fatt li l-akkużat ma kellux avukat waqt li kien qiegħed jiġi interrogat u ssemmew l-10 kriterji adottati minn Malta mid-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) Beize vs Belgium.
Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras fis-sentenza spjegat illi ma kienx hemm biżżejjed provi li r-raġel kien qed ibigħ id-droga u allura fid-dawl tal-ammont illi nqabad bih tagħtu sentenza ta' pussess, b'multa ta' €277.
L-Ispettur Jurgen Vella mexxa l-prosekuzzjoni filwaqt li l-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia dehru bħala d-difiża.