Tliet irġiel jinżammu arrestati wara li nqabdu jisirqu fil-fatt minn villa fis-Swieqi

Il-Maġistrat Montebello ċaħad il-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura gravi tar-reat.

Tliet irġiel Libjani li l-bieraħ nqabdu fil-fatt jisirqu minn villa fis-Swieqi baqgħu miżmuma taħt arrest wara li tressqu l-Qorti b’akkużi varji.

It-tliet irġiel li għandhom bejn it-23 u s-26 sena tressqu l-Qorti akkużati b’serq aggravat u li m’obdewx l-ordnijiet tal-Pulizija.

Wieħed mill-akkużati ġie mixli wkoll li hedded Pulizija, li kien fil-pussess ta’ sikkina żgħira mingħajr permess, li saq karozza mingħajr liċenzja u li sar riċediv. Apparti minn dan, il-Libjan ta’ 23 sena li attwalment jinsab ukoll akkużat bi stupru ġie mixli separatament li pprova jagħti dettalji foloz lill-Pulizija u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

L-irġiel kollha wieġbu li mhumiex ħatja u talbu l-ħelsien mill-arrest.

Huma ġew arrestati l-bieraħ meta għall-ħabta tat-03:15 am il-Pulizija rċevew telefonata mingħand persuna li waqt li kienet fid-dar tagħha semgħet xi ħsejjes suspettużi ġejjin minn barra. Meta ttawwlet mit-tieqa, hija nnutat lil xi ħadd jidħol fir-residenza tagħha. Hija rrapportat ukoll li quddiem ir-residenza kien hemm vettura suspettuża, startjata u fiha kien hemm xi persuni. Minnufih fuq il-post marru erba’ Pulizija tad-Distrett. Hemmhekk sabu l-vettura rrapportata għadha startjata u fiha kien hemm żewġ persuni.

Il-Pulizija ċċirkondaw il-vettura u ordnaw lil dawk li kienu fiha biex jitfgħu l-vettura immedjatament u joħorġu minnha. Iżda minflok, ix-xufier saq b’lura biex jaħarbu bil-konsegwenza li ħabat f’vettura li kienet ipparkjata. Il-Pulizija bdew jipprovaw iwaqqfu l-karozza u jiftħu l-bieba tal- vettura, bil-konsegwenza li Surġent tal-Pulizija weġġa’ ħafif. Il-Pulizija rnexxielha tarresta liż-żewġ persuni li kienu fil-karozza, u fl-istess ħin, ġiet arrestata t-tielet persuna hekk kif ħarġet mir-residenza.

Il-Maġistrat Montebello ċaħad il-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura gravi tar-reat.

L-avukat Noel Bianco deher għall-akkużati.

More in Qrati u Pulizija