Jordan Azzopardi akkużat ukoll b'ħasil ta' flus u kriminalità organizzata

Fis-seduta tal-lum, l-avukat tiegħu Franco Debono ilmenta fil-Qorti li kemm hu kif ukoll Azzopardi ma kienux ġew informati dwar l-akkużi miżjuda.

Il-baruni tad-droga Jordan Azzopardi se jkun mixli wkoll b'ħasil ta' flus u b'kriminalità organizzata dan wara li fis-seduta tal-lum, il-prosekuturi żiedu żewġ akkużi oħra mal-pataflun akkużi separati li qed jaffaċja.

Azzopardi ta’ 29 sena qiegħed ikun mixli b’madwar 15 il-akkuża fosthom traffikar tad-droga eroina, kokaina u kannabis.

Fis-seduta tal-lum, l-avukat tiegħu Franco Debono ilmenta fil-Qorti li kemm hu kif ukoll Azzopardi ma kienux ġew informati dwar l-akkużi miżjuda.

Debono argumenta li ġaladarba l-akkużi żdiedu f’dan l-istadju, il-proċeduri kriminali għandhom teknikament jerġgħu jmorru għall-istadju bikri tal-proċeduri. Wara li rrtirat fis-sigrieta bl-għan li tikkonsidra din il-kwistjoni, il-Maġistrat qalet li l-prosekuzzjoni għandha tikkonferma l-akkużi l-ġodda taħt ġurament.

Mill-ġdid Azzopardi wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Il-kumpilazzjoni tal-evidenza se tkompli f’Diċembru.

L-Ispetturi Mark Mercieca, Justine Grech u Nicholas Vella mexxew il-prosekuzzjoni mgħejuna mill-avukati Elaine Mercieca u Ann Marie Cutajar mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali.

L-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia dehru għall-akkużat.

More in Qrati u Pulizija