Eżorċista jispjega x'esperjenza fid-dar ta' żagħżugħ akkużat li nqeda bl-okkult biex jistupra żewġ nisa

Fil-Qorti kien intqal li dan il-każ huwa stramb u delikat tant li kellha tintalab l-għajnuna ta' eżorċista

Eżorċista spjega lill-Maġistrat li qed tinvestiga każ stramb ta’ stupru li, mill-aspett spiritwali, qatt ma ra xejn gravi kull darba li żar u talab fid-dar fejn seħħ il-każ.

Il-każ jitratta żagħżugħ ta’ 18-il sena, li jgħix f’Bormla u li qed ikun akkużat bi stupru ta’ omm it-tfajla tiegħu, li hija mara vulnerabbli u anke t-tifla tagħha. Qed ikun akkużat li ġiegħlhom ikollhom x’jaqsmu miegħu kontra r-rieda tagħhom, li sfurzahom iwettqu atti sesswali kontra d-diċenza tagħhom u li weġġagħhom. 

Apparti minn hekk, qed jiffaċja akkużi li pparteċipa f’atti sesswali ma’ tifla ta’ 15-il sena mill-istess familja.

Fl-aħħar seduti kien instema’ kif l-omm tipprattika l-okkult u ż-żagħżugħ kien daħlilha f’moħħha li fetħet il-bieb għax-xitan u kien jimmanipulaha billi jbiddel leħnu, u jagħtiha diversi ordnijiet biex jissodisfa x-xewqat sesswali tiegħu.

Madanakollu, l-Avukat Jason Azzopardi kien wissa lill-Qorti li dan il-każ huwa stramb u għandu bżonn attenzjoni partikolari. Kien qal li saħansitra ssejjaħ eżorċista biex jiċċelebra Quddiesa fil-propjetà, għax fiha kienu qed jiġru affarijiet strambi u jinstemgħu ilħna.

L-eżorċista Fr John Vella, li ttella’ jixhed mill-Avukat tad-Difiża Jason Azzopardi, qal lill-Maġistrat Nadine Lia li d-dar tal-akkużat kienet ta’ taħt fuq, bil-qraba tal-akkużat jgħidulu li l-affarijiet kienu jiċċaqilqu waħedhom.

Madanakollu, is-saċerdot saħaq li kull meta kien hemm u talab qatt ma esperjenza xejn.

“L-uniku attività paranormali li nnutajt kienet meta darba kont qed inbierek id-dar u ħriġt barra. Ma kien hemm ħadd, iżda meta erġajt dħalt lura, xi ħaġa waqgħet mit-taraġ ... arloġġ miksur,” spjega l-eżorċista.

Ikkonferma li l-omm kienet involuta fl-okkult u kienet tikkomunika mal-ispirti. 

“Kulħadd l-istess qal. L-affarijiet kienu jtiru, il-ħġieġ jinkiser u ilħna jinstemgħu. Imma dan x’qaluli. Qaluli wkoll li l-ilħna kienu jordnawlhom jagħmlu affarijiet ħżiena,” qal l-eżorċista.

Kien għalhekk li mar ibierek id-dar. “Imma ma smajt xejn. Ma rajt lil ħadd u ma smajt l-ebda moviment,” insista l-eżorċista.

L-eżorċista qal li l-aħħar li l-familja għamlet kuntatt miegħu kien f’Settembru tal-2019.

Kompla jisħaq li l-mara kienet ammettiet li tuża l-okkult biex tagħmel il-magħmul fuq in-nies. 

L-eżorċista qal li l-mara kienet qed turi xewqa li tieqaf u kien għalhekk li talbet l-għajnuna tiegħu.

Skont l-Avukat Jason Azzopardi, l-akkużat qed jisħaq li dan kollu seħħ minħabba “terza persuna” u li huwa l-vittma f’dan kollu.

“Teskludi l-preżenza ta’ spirtu li jitkellem vuċi umana?” staqsa l-Avukat. “Le,” wieġeb l-eżorċista anke jekk tenna li hu qatt ma sema’ xejn.

Il-każ ikompli.

More in Qrati u Pulizija