Il-Qorti tilqa' t-talba ta' Degiorgio ... Jisħaq li t-telefonati interċettati huma illegali

Il-ġimgħa l-oħra l-Qorti Ċivili ma laqgħetx l-applikazzjoni urġenti ta’ Degiorgio sabiex jiġi sospiż dan is-smigħ minħabba l-każ kostutizzjonali. 

George Degiorgio wieħed mis-suspettati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ngħata l-permess sabiex jappella d-deċiżjoni tal-Qorti li kienet ċaħdet it-talba tiegħu sabiex ikunu sospiżi l-proċeduri kriminali legali kontrih sakemm tiġi żgurata l-legalità tal-interċetti telefoniċi.

Din it-talba ntlaqgħet proprju ġurnata qabel s-smigħ tal-każ fil-Qtil ta’ Caruana Galizia. B’hekk is-smigħ se jiġi sospiż sakemm issir sentenza fil-każ kostituzzjonali li fetaħ l-istess Degiorgio.

Il-ġimgħa l-oħra l-Qorti Ċivili ma laqgħetx l-applikazzjoni urġenti ta’ Degiorgio sabiex jiġi sospiż dan is-smigħ minħabba l-każ kostutizzjonali. L-avukat tad-difiża William Cuschieri qiegħed jargumenta li d-drittijiet tal-klijenti tiegħu nkissru u anke talab biex dawn it-telefonati interċettati “b’mod illegali” ma jibqgħux jitqiesu bħala parti mill-evidenza.

Waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Degiorgio, ħuh Alfred u Vinve Muscat, il-Pulizija qalu li għamlu użu minn konverżazzjonijiet tat-telefon biex jimmoniterjaw lill-akkużati u anke l-moviment tal-bomba stess. 

Minn naħa l-oħra l-avukat Victoria Buttigieg mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għamiltha ċara li dawn l-interċetti telefoniċi ma kienux l-unika parti ta' evidenza li waslet għall-arrest tagħhom. "Kien hemm ammont kbir ta' evidenza li jpoġġuhom fil-post tad-delitt. Dan huwa attentat mid-difiża sabiex jiġi kkawżat dewmien fil-proċeduri kriminali. L-aktar l-aktar, id-difiża tista' titlob sabiex din l-evidenza tispiċċa inammissibbli,”  argumentat Buttigieg.

More in Qrati u Pulizija