Jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq akkużat li hedded lil martu li se joqtolha

Il-każ seħħ ilbieraħ filgħaxija fiż-Żejtun, bir-raġel saħansitra jkun akkużat li sawwat lil martu

Raġel tressaq il-Qorti akkużat li weġġa’ u hedded lil martu li se joqtolha waqt argument li kellhom bejniethom.

Il-Maġistrat Marseanne Farrugia semgħet lill-Ispettur Roderick Attard jispjega kif ir-raġel ta’ 33 sena hedded lil martu, anke permezz ta’ telefonati.

Huwa kien akkużat li kkawża biża’ fuq martu, li għamel użu ħażin minn tagħmir tat-telekomunikazzjoni, li hedded lil martu u li kkawżalha feriti ħfief waqt argument li kellhom ilbieraħ fid-dar tagħhom fiż-Żejtun.

Ir-raġel qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €2,500. Kien ordnat jiffirma darbtejn fil-ġimgħa fl-għassa u biex josserva curfew.

Ir-raġel se jkun qed jgħix f’raħal ieħor u mhux iż-Żejtun.

Il-Qorti ordnat ukoll li l-mara tingħata l-protezzjoni.

More in Qrati u Pulizija