Il-Qorti tirrevoka mandat ta' sekwestru fil-konfront ta' aġent tal-ivvjaġġar

L-imħallef jgħid li t-tliet nurseries ma kienux irreġistrati taħt l-Att dwar l-Isport u għalhekk ma setgħux jippreżentaw proċedura legali f’isimhom

Illum il-Qorti rrevokat ordni ta’ sekwestru fil-konfront ta’ aġent tal-ivvjaġġar wara li tliet nurseries differenti tal-futbol fetħu każ kontriħ fil-Qorti wara kanċellazzjoni ta’ titjiriet.

Il-każ Imur lura għal April ta’ din is-sena meta r-rappreżentant ta’ Pieta Hotspurs talab lill-aġent tal-kumpanija FSS sabiex jipprovdi titjira tat-tip 'charter' għal 282 passiġġier minn Malta għal Aalborg fid-Danimarka. L-iskop ta’ din it-titjira lejn id-Danimarka kien turnew tal-futbol, id-Dana Cup, fejn iż-żgħażagħ Maltin kellhom jieħdu sehem. Hu mifhum li għal din it-titjira, ir-rappreżentant ħallas €66,270.

Wara li mbagħad kollox mar żmerċ, it-tliet nurseries kienu ppreżentaw ittra ġudizzjarja fil-Qorti u talbu għall-ammont imħallas u d-danni. B'suċċess, f’Lulju it-tliet nurseries ta’ Pieta Hotspurs, Hamrun Spartans u Birkirkara FC Youth Academy kisbu mandat ta’ sekwestru ta’ €160,000 bl-argumentazzjoni ta' ksur tal-kuntratt.

Ir-rappreżentant kien ikkontesta dan is-sekwestru u għalhekk il-kwistjoni għaddiet fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, ippreseduta mis-Sur Imħallef Grazio Mercieca.  Fid-deċiżjoni tiegħu mogħtija dalgħodu Mercieca nnota li kull att ġudizzjarju għandu jkun ippreżentat mill-partijiet infushom. Dan sakemm il-persuna inkwistjoni tinsabx barra minn Malta. F’dan il-każ hu argumenta li r-rappreżentanti tan-nurseries ma setgħux ikunu rappreżentati fil-qorti b'dan il-mod Apparti minn hekk hu qal li fil-kawża ma kien hemm ħadd li ppreżenta att ġudizzjarju f’isem it-tfal filwaqt li rrimarka li ma ġewx identifikati n-numru totali tal-persuni affettwati.

Għalhekk huwa qal li l-mandat ta’ sekwestru kien null.

Barra minn dan huwa qal li t-tliet nurseries ma kienux irreġistrati taħt l-Att dwar l-Isport u għalhekk ma setgħux jippreżentaw proċedura legali f’isimhom.

Fid-dawl t’hekk il-Qorti rrevokat il-mandat ta’ sekwestru.

More in Qrati u Pulizija