Tliet persuni akkużati li daħlu jisirqu u jheddu anzjan f'siġġu tar-roti

L-anzjan, li għandu 79 sena, kien fir-residenza tiegħu f’Birżebbuġa, meta allegatament, it-tliet persuni daħlu fuqu

Tliet persuni tressqu l-Qorti akkużati li attakkaw u serqu dar ta’ anzjan f’siġġu tar-roti.

L-anzjan, li għandu 79 sena, kien fir-residenza tiegħu f’Birżebbuġa, meta allegatament, it-tliet persuni daħlu fuqu.

L-akkużati huma żewġt irġiel li għandhom ‘il fuq minn 40 sena u żagħżugħa ta’ 25 sena.

It-tlieta li huma kienu wkoll akkużati li saru reċidivi u li kisru diversi kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

L-Ispettur Lydon Zammit qal lill-Maġistrat Doreen Clarke li l-Pulizija rċevew rapport anonimu li tliet persuni daħlu jisirqu mid-dar ta’ anzjan.

Jidher li l-vittma ma rrapportax għax il-ħallelin heddewh li jqabbdulu d-dar u jsawtuh.

Huma serqu madwar €700.

L-Ispettur spjega kif minn filmati tas-CCTV, meħuda biswit id-dar tal-vittma, tnejn mill-akkużati jidhru deħlin fid-dar, filwaqt li t-tielet persuna kienet f’karozza biex jaħarbu malajr.

It-tliet akkużati wieġbu mhux ħatja u talbu l-ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba s-serjetà tal-każ waqt li fakkret lill-Qorti li dawn attakkaw raġel li ma setax jiddefendi lilu nnifsu.

Il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest, fosthom minħabba r-rekord kriminali tal-akkużati.

More in Qrati u Pulizija