Probation flok ħabs għal kompliċi ta' Jordan Azzopardi

Huwa kien ġie arrestat wara li nqabad juża karta tal-€50 falza f’ħanut f’Birkirkara.

Żagħżugħ ta’ 24 sena assoċjat mal-baruni tad-droga Jordan Azzopardi illum kellu s-sentenza ta’ priġunerija annullata wara li rebaħ l-appell.

Huwa kien ġie arrestat wara li nqabad juża karta tal-€50 falza f’ħanut f’Birkirkara. Sid il-ħanut kien qal mal-Pulizija li l-akkużat kien talab sabiex isarraf in-nota falza. Mumenti wara jidher li l-akkużat daħal f’karozza li kienet irreġistrata taħt isem, Jordan Azzopardi.

Azzopardi ta’ 29 sena qiegħed jkun mixli b’madwar 15 il-akkuża fosthom traffikar tad-droga eroina, kokaina u kannabis, it-tfajla tiegħu reġgħet spiċċat arrestata wara li allegatament hi ppruvat ixxaħħam xhud b’pagament ta’ €20,000. Il-każ mistenni jkompli fi żmien ġimgħatejn.

Intant fil-proċeduri kriminali fil-konfront tal-kompliċi ta' Azzopardi, l-Qorti tal-Maġistrati kienet sabet lir-raġel ħati li ċċirkula noti foloz, li kiser sentenza ta' probation u li kien riċediv. Fis-sentenza tagħha l-Qorti kienet ikkundannatu s-sentenza ta’ sentejn ħabs.

Iżda fl-appell tiegħu, l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri argumentaw li l-element ta’ intenzjoni kriminali f’dan ir-reat ma kienx ġie ppruvat fil-Qorti. Żiedu jgħidu li r-raġel ma kienx ġie megħjun legalment fil-mument li hu ta x-xhieda tiegħu.

Id-difiża qalet ukoll li l-akkużat kien instab ħati b’artikolu legali li aktar tard spiċċa biex ġie abrogat mingħajr ebda proviżjonijiet tranżitorji fil-liġi l-ġdida. Finalment huma qalu wkoll li l-piena ta’ sentejn ħabs kienet eċċessiva hekk kif ir-reat kien jinvolvi biss, iċ-ċirkolazzjoni ta’ nota falza.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li t-talba tal-akkużat dwar l-intenzjoni kriminali li ma ġietx ippruvata ma setgħetx tiġi kkonfermata hekk kif l-evidenza kollha kienet turi li fil-fatt, kien hemm intenzjoni kriminali. Dwar l-argument tal-artikoli legali abrogati, il-Qorti nnotat kif minkejja t-tibdiliet ir-reat kien baqa’ l-istess.

Finalment fuq l-argument li l-piena kienet waħda eċċessiva l-Qorti qalet li wara li eżaminat ir-rapporti tal-uffiċċjali tal-probation innotat kif l-akkużat kien qiegħed iżomm ‘il bogħod mill-abbuż ta’ droga u li kien immatura b’mod konsiderevoli.

Fid-dawl tar-reat tiegħu u ċ-ċirkostanzi tal-perjodu li fih twettaq dan ir-reat, il-Qorti ordnat li s-sentenza tiegħu ta’ priġunerija tkun annullata u minflok tiġi imposta u probation ta’ tliet snin.

More in Qrati u Pulizija