Pedoflu jerġa' jispiċċa l-Qorti akkużat li kkorrompa erbat itfal tal-ġirien

Il-Prosekuzzjoni tisħaq li jista' jkun hemm aktar vittmi li jersqu 'l quddiem biex jitkellmu

Anzjan ta’ 63 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li ta fastidju lil erbat itfal taħt l-età li huma ulied il-ġirien tar-residenza li għandu għas-sajf fl-Armier.

Il-pensjonant, minn Ħal Kirkop, daħal fl-awla jgħatti wiċċu waqt li l-allegati vittmi kienu bilqiegħa bid-dmugħ f’għajnejhom.

Il-Pulizija qalu li r-raġel, li diġà kien instab ħati b’reati simili, ipparteċipa f’atti sesswali ma’ tifla ta’ għaxar snin u li ffastidixxa lit-tfal l-oħra li għandhom bejn seba’ u 12-il sena.

L-akkużat qed iwieġen mhux ħati tal-akkużi.

L-Avukat tad-Difiża taleb lill-Qorti biex ma jiġux ippubblikati l-ismijiet tal-akkużat biex il-vittmi ma jkunux identifikati, waqt li saħaq li dan mhu se jagħmel l-ebda differenza.

Madanakollu, il-Prosekuzzjoni saħqet li ma taqbilx, anke għax fi kliem l-Ispettur jista’ jkun hemm aktar vittmi li jitkellmu.

Il-Qorti ordnat li ma jixxandrux l-ismijiet tat-tfal iżda mhux tal-akkużat.

Id-Difiża talbet ukoll il-ħelsien mill-arrest iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-kondotta kriminali tal-akkużat, hekk kif diġà kien instab ħati li kkorrompa minuri.

Il-Qorti saħqet li għadu kmieni wisq biex tagħtih il-ħelsien mill-arrest anke għax għad fadal diversi persun x’jixhdu.

More in Qrati u Pulizija