Illiberat minn kull akkuża raġel li tilef xogħlu fuq akkużi li sawwat l-ommu

Huwa kien dejjem ċaħad li sawwat l-ommu

Gwardjan tal-ħabs li tkeċċa mix-xogħol wara li kien ġie mixli li sawwat l-ommu, illum ġie lliberat minn kull akkuża wara li ommu għażlet li ma tixhedx fil-proċeduri tal-Qorti.

Ir-raġel ta’ 34 sena mir-Raħal Ġdid kien ġie akkużat f’Ġunju tas-sena l-oħra li kkaġuna ġrieħi gravi fuq ommu u li ġiegħla tibża' minn vjolenza kontriha.

Il-Maġistrat Audrey Demicoli kienet semgħet kif fis-27 ta’ Ġunju tas-sena 2018, il-Pulizija ġiet informata li mara kienet soffriet ksur f’idejha wara argument ma binha. 

L-akkużat kien ġie arrestat u ngħata l-libertà wara li ta statement lill-Pulizija. Huwa kien sostna li ommu kienet għalqet kurutur bl-affarijiet tagħha u kif fil-ġurnata tal-argument hu kien qalilha biex tneħħi dawn l-affarijiet għaliex hu m’għandux ħin jagħmel dan.

Huwa kien dejjem ċaħad li sawwat l-ommu iżda li kemm ‘mbuttha’ meta bdiet tgħajjat f’wiċċu. B’konsegwenza li spiċċat waqgħet fuq idha.

L-akkużat kien wieġeb mhux ħati iżda ċaħad li jixhed fil-Qorti. Apparti minn hekk il-vittma kienet ukoll ċaħdet li tagħti x-xhieda tagħha u ddikjarat fil-Qorti li ħafret lil binha,

Fid-dawl ta’ dan kollu l-Qorti qalet li ma setgħetx issib lill-akkużat ħati li kkaġuna ġrieħi gravi minħabba l-fatt li dan ma ġiex ppruvat bla ebda dubju raġonevoli.

B’hekk ir-raġel kien illiberat minn kull akkuża.

L-Ispettur Shawn Pawney mexxa l-prosekuzzjoni filwaqt li l-avukat Ishmael Psaila u Edward Gatt dehru għall-akkużat.

More in Qrati u Pulizija