Jinżel għall-ġirien b'pajp tal-ħadid wara argument fuq it-tipjip

Jidher li l-akkużat kontinwament kien qed jilmenta u jirrapporta lill-ġirien tiegħu li joqogħdu fl-istess appartament

Raġel tpoġġa taħt sena probation wara li nstab ħati li hedded lill-ġirien tiegħu b’pajp tal-ħadid.

Ir-raġel, Libjan ta’ 40 sena, tressaq il-Qorti akkużat li fil-5 ta’ Settembru, fi Triq tas-Srug fix-Xagħra, ħebb għall-ġirien tiegħu minħabba l-istorbju li kienu qed jagħmlu fiż-żona komuni tal-appartament.

Il-Pulizija spjegaw kif l-istess akkużat kemm-il darba rrapporta l-ġirien kemm għax kienu qed ipejpu fiż-żona komuni u anke għax kienu qed joħorġu l-iskart qabel il-ħin.

Jidher li l-ġlieda bdiet meta waħda mill-ġirien kienet qed tpejjep fiż-żona komuni, bl-akkużat imur jistaqsiha jekk tistax tpejjep x’imkien ieħor u kelma ġabet lill-oħra.

Il-ġara saħqet li ħassitha mhedda u kien għalhekk li marret tiġri ssejjaħ lis-sieħeb tagħha.

Kien hawn li dan niżel għall-akkużat, b’dan tal-aħħar jirritorna b’pajp tal-ħadid u b’mus fil-but.

Il-Qorti saħqet li mhijiex konvinta jekk l-akkużat, fil-verità, għolliex leħnu biżżejjed biex il-vittma tħossha mhedda u anke saħqet li l-akkużat mar iġib il-pajp tal-ħadid għax il-ġar tiegħu wkoll niżel għalih b’xi ħaġa f’idu.

Madanakollu l-Qorti wissiet lill-akkużat li pajp tal-ħadid u mus ma kinux is-soluzzjoni waqt li saħqet li l-argument seta’ kellu konsegwenzi agħar.

Kien għalhekk li poġġietu taħt sena probation.

More in Qrati u Pulizija