Joe Brincat jakkuża lill-MFSA li tefgħet dell ikrah fuq il-Gvern

Brincat jisħaq li l-kontroll fuq il-fondi pubbliċi huwa prinċipju bażiku tas-saltna tad-dritt

Joe Brincat, eks Ministru għall-Ġustizzja, avukat u membru tal-bord tal-MFSA bagħat ittra ġudizzjarja, indirizzata, lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, Joe Cuschieri, biex jilmenta dwar pagament mogħti lil wieħed mill-uffiċjali tagħha u li fi kliemu jikser mhux biss is-Saltna tad-Dritt iżda anke jitfa’ dawl ikrah fuq il-Gvern.

Anke jekk l-ittra ma tispeċifikax il-każ, jidher li Brincat kien qed jirreferi għal każ ta’ George Spiteri, eks direttur tal-HR li allegatament tħallas €150,000 bħala parti minn skema ta’ irtirar kmieni anke jekk sa ġimgħa wara ġie impjegat, bl-istess kariga u bl-istess xogħol iżda b’responsabbilitajiet inqas mal-Aġenzija għar-Reġistrar tal-Kumpaniji.

Fil-protest, li tressaq quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili Brincat jisħaq li jekk membru tal-bord jkun jaf b’xi każ “kriminali,” huwa obbligat li jagħmel dak kollu possibbli biex iwaqqfu, jew inkella hu stess ikun ħati.

Brincat saħaq li tali pagament ma kienx approvat u ddeskriva l-każ bħala wieħed kriminali, għax fi kliemu, flejjes li suppost intużaw għal ċertu raġunijiet, spiċċaw intużaw għal affarijiet oħra.

Il-protest ġudizzjarju jkompli jisħaq li l-kontroll fuq il-fondi pubbliċi huwa prinċipju bażiku tas-saltna tad-dritt.

Din l-azzjoni waslet biex il-Gvern ikun attakkat mill-midja u minn rivali politiċi, "meta inti stess taf li l-ebda membru tal-Gvern ma għandu ħtija,” ikompli jgħid Brincat lill-Kap Eżekuttiv tal-MFSA. 

Joe Brincat spjega wkoll kif innotifika anke lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga dan il-każ u anke pagamenti oħra lil saru mill-Fond Konsolidat fl-aħħar xhur.

More in Qrati u Pulizija