Negozjati biex wieħed mill-akkużati tal-hijack tal-2016 jixhed kontra sieħbu għal 10 snin ħabs

Il-Prosekuzzjoni qed tinsisti li wieħed mill-hijackers tat-titjira Afriqiyah Airways jingħata minimu ta' 10 snin ħabs jekk jixhed kontra t-tieni hijacker....

Wieħed mill-akkużati joħroġ mill-ajruplan ixejjer bandiera ħadra, li hi assoċjata mal-Libja fi żmien Gaddafi
Wieħed mill-akkużati joħroġ mill-ajruplan ixejjer bandiera ħadra, li hi assoċjata mal-Libja fi żmien Gaddafi

Huwa mifhum li prosekuturi qed imexxu għal sentenza ta' 10 snin, bil-kundizzjoni ta' ammissjoni ta' ħtija minn wieħed mill-irġiel Libjani akkużati bil-hijacking tat-titjira ta' Afriqiyah Airways, li wassal biex din tinżel Malta fl-2016. F'negozjati mal-Avukat Ġenerali, il-prosekuzzjoni mistennija tinsisti fuq 10 snin priġunerija, bil-kundizzjoni li Shah Soko Moussa ta' 29 sena minn Sebha fil-Libja jixhed kontra l-akkużat l-ieħor, Ali Ahmed Saleh ta' 30 sena, minn Sebha wkoll.

Dawn it-tnejn qed ikunu akkużati illi wettqu hijacking tal-ajruplan in kwistjoni jiem qabel il-Milied, nhar it-23 ta' Diċembru tal-2016. Dawn qed jiffaċċjaw ħafna iktar akkużi, fosthom ta' terroriżmu. 

L-arjuplan kellu fuqu 111-il passiġġier u sitt membri tal-ekwipaġġ, qabel ma kien maħtuf. 

Moussa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta' €20,000 u garanzija personali ta' €50,000 fi Frar li għadda.

Il-każ se jkompli jinstema' f'Ottubru li ġej.

L-avukat George Anton Buttigieg qed jidher għal Moussa, L-avukat Marc Sant qed jidher għal Saleh u l-avukati Elaine Mercieca Rizzo u Charles Mercieca qed jidhru għall-uffiċċju tal-Avukat Ġenrali. 

More in Qrati u Pulizija