Megally jakkuża lis-CEO ta' Mater Dei li daħal f'nofs ultrasound u ħarġu bil-forza

Jakkuża wkoll lil Ivan Falzon li heddu li 'jtappanlu r-reputazzjoni' jekk ma joqgħodx għall-ordnijiet tiegħu

Tabib b’diżabilità, Naged Megally, fetaħ protest ġudizzjarju kontra l-Ministru għas-Saħħa, il-Kap Eżekuttiv ta’ Mater Dei Ivan Falzon u anke membri ta’ bord intern ta’ inkjesta li ċaħad l-allegazzjonijiet tiegħu li tkeċċa bil-forza ‘l barra minn klinika f’Mater Dei għax kien qed idum biex jagħmel ultrasound.

Megally, li juża s-siġġu tar-roti minħabba l-kundizzjoni tiegħu, qal li l-Professur Yves Muscat Baron u l-Kap Eżekuttiv ta’ Mater Dei, Ivan Falzon, daħlu fuqu waqt li kien qed jagħmel 4D scan u talbuh joħroġ għax Muscat Baron ried juża t-tagħmir u hu kien qed idum ħafna minħabba d-diżabilità tiegħu.

Skont il-Protest Ġudizzjarju, Falzon u Muscat Baron kienu tant determinati li Megally jitlaq li lanqas biss stennew li joħroġ fuq is-siġġu tar-roti iżda minflok refawh u ħaduh fuq siġġu tar-roti fil-kuritur.

Huwa qal li lmenta ma’ Falzon dwar dan l-aġir u li l-Kap Eżekuttiv heddu li jekk mhux se joqgħod għall-awtorità tiegħu “kien se jtappanlu r-reputazzjoni minħabba informazzjoni li għandu dwaru.”

Megally kien informa bil-każ lill-Ministeru għas-Saħħa u kien talab inkjesta dwar dak li hu qed isejjaħlu bħala bbulljar, fastidju u diskriminazzjoni fil-konfront tiegħu.

Minkejja dan, bord ta’ inkjesta ma sab l-ebda prova.

Iżda Megally qed jibqa’ jinsisti li l-inkjesta ma saritx skont il-prinċipji tal-ġustizzja għax ħadd ma qallu minn xehed jew inkella ma ngħatax iċ-ċans li jistaqsi lill-istess xhieda.

Jidher ukoll li t-tabib ma ngħatax ir-rapport sħiħ tal-inkjesta iżda l-konklużjonijiet biss.

L-Avukati ta’ Megally, Jonathan Thompson u Ryan Falzon, tefgħu wkoll l-imparzjalità tal-bord tal-inkjesta.

More in Qrati u Pulizija