Illum il-Qorti mistennija tiddeċiedi jekk Jordan Azzopardi jinħelisx mill-arrest

L-Avukat Franco Debono jisħaq li mhuwiex ġust li l-akkużat ibati minħabba li żewġ xhieda jinsabu barra l-pajjiż

 Illum il-Qorti mistennija tiddeċiedi jekk it-traffikant tad-droga Jordan Azzopardi, magħruf bħala El Chapo, għandux jinħeles mill-arrest. 

 Azzopardi qed jiffaċċja xejn inqas minn 15-il akkuża inkluż it-traffikar tal-eroina, kokaina u kannabis f'diversi lokalitajiet f'Malta. 

L-avukat Franco Debono li qed jidher għal Azzopardi saħaq illi l-każ aċċellera u mmatura minn Marzu. "Filwaqt li l-każ ipproċeda b'effiċjenza ma kienx hemm biżżejjed ħin biex iż-żewġ xhieda (żewġ traffikanti oħrajn) jinġiebu quddiem il-Qorti? Ma tagħmilx sens li l-akkużat jibqa' taħt il-kustodja tal-Pulizija sat-2 ta' Ottubru, sakemm jerġgħu jaslu."  

Azzopardi ddaħħal il-Qorti mmanettjat minn ħames membri tas-sigurtà tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin, fejn ilu taħt il-kustodja tal-Pulizija mit-13 ta' Marzu. 

Is-sieħba ta' Azzopardi li wkoll qed tiffaċċja akkużi relatati mad-droga u li kienet taħt arrest fuq suspett illi provat ixxaħħam xhud, ingħatat il-ħelsien mill-arrest fl-aħħar smigħ tal-kawża. Il-mara hija omm ta' ħamest itfal. 

"Mhux ġust li l-akkużat ikollu jsofri minħabba dawn in-nies," qal Debono f'referenza għaż-żewġ xhieda. Fakkar illi l-aktar ħaġa importanti fis-sistema penali hija li l-preżunzjoni tal-innoċenza tkun rispettata. 

Franco Debono, Amadeus Cachia u Marion Camilleri qed jidhru bħala parti mid-difiża.

More in Qrati u Pulizija