Raġel li ħarab miċ-Ċentru ta' Detenzjoni f'Ħal Safi kien mogħti sentenza sospiża wara li l-Qorti rat kif ir-raġel kien mweġġa fil-proċess u li l-istat ta' saħħa fiżika tiegħu ma kinitx tajba, tant li għadu qed ikun operat.
L-akkużat deher quddiem il-Qorti fuq siġġu tar-roti u b'saqajh infaxxati.
Huwa kien akkużat illi ħarab minn taħt il-kustodja tal-pulizija nhar il-15 ta' Lulju. L-Ispettur Roderick Attard spjega kif l-akkużat kien parti minn grupp akbar li dakinhar ħarbu mill-istess ċentru u li kienu akkużati u misjuba ħatja mill-Qorti, filwaqt li kienu arrestati għal sitt xhur.
L-akkużat, li huwa Marokkin, kien ilu fil-Faċilità tliet xhur qabel ma dawn ħarbu.
L-Ispettur qal illi l-Prosekuzzjoni qed tħares lejn piena ta' sitt xhur priġunerija bħat-12-il persuna l-oħra li ħarbu, imma l-Avukat Joe Brincat li qed jidher għall-akkużat, irrimarka illi l-akkużat jinsab fi stat fiżiku ħażin. "Meta ħarbu, l-akkużat weġġa ... qatta' xahar l-isptar u għamel żewġ operazzjonijiet ...". Fil-fatt, il-Qorti kienet infurmata, li l-akkużat għandu għadam miksur ukoll.
Il-Maġistrat Victor Axiaq sab lill-akkużat ħati u filwaqt li kkundannah għal sitt xhur priġunerija ssospenda din is-sentenza għal sentejn.