Iħebb għall-Assistent Kummissarju wara li kien involut f'inċident

L-akkużat kien qed isuq mutur iżda ma kellux polza tal-assigurazzjoni

Sewwieq ta’ mutur li ma kellux polza tal-assigurazzjoni u spiċċa involut f’inċident tat-traffiku, tressaq il-Qorti, akkużat fost oħrajn li ħebb għal żewġ uffiċjali tal-Pulizija, inkluż l-Assistent Kummissarju Alexander Gatt.

Ir-raġel, Niġerjan ta’ 31 sena residenti Birżebbuġa, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, inkluż li ħebb għall-Pulizija, li heddidhom, li kien qed isuq bla polza tal-assigurazzjoni u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Fil-Qorti nstema’ kif meta ressqu l-pulizija, l-akkużat kien fi stat ta’ paniku fosthom għax weġġa’ fl-inċident, spjega l-Avukat Gianluca Caruana Curran.

Huwa talab għall-ħelsien mill-arrest fosthom għax fi kliemu l-pulizija ma weġġawx gravi, l-uniċi xhieda kienu l-pulizija nfushom u għalhekk ma hemmx periklu li se jinfluwenza l-evidenza.

Madanakollu, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, bl-Ispettur Roderick Attard ifakkar li l-akkużat kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

L-akkużat ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €10,000.

Kien ordnat jiffirma darba f’ġimgħa fl-Għassa u ma joħroġx wara ċertu ħin.

More in Qrati u Pulizija