Akkużat li trasferixxa €13,000 mill-kont tal-kumpanija fil-kont personali tiegħu

L-eks impjegat ta’ kumpanija tal-igaming, allegatament għamel aċċess fis-sistema kompjuterizzata tal-kumpanija u seraq €13,000 billi mexxa l-flus fil-kont personali tiegħu.

Illum fil-Qorti ħarġu aktar dettalji fil-konfront ta’ raġel ta’ 38 sena minn Ħaż Żebbuġ li qed jiġi mixli b’serq aggravat u frodi.

L-eks impjegat ta’ kumpanija tal-igaming, allegatament għamel aċċess fis-sistema kompjuterizzata tal-kumpanija u trasferixxa €13,000 fil-kont personali tiegħu.

L-Ispettur Doriette Cuschieri xehdet quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella fil-kumpilazzjoni ta’ evidenza kontra r-raġel. Fil-Qorti hi spjegat li wara investigazzjoni ġie nnutat li kien hemm diskrepanza kbira fil-flus li l-kumpanija suppost daħlet. B’kollox kien hemm €13,323.68  neqsin. Instab ukoll li kienu għaddew ftit iktar minn € 3,000 f'kont ta’ Revolut tal-akkużat. Dawn il-flus imbagħad ġew miġbuda minn ATM.

Meta kien interrogat, l-akkużat qal li kien għaraf xi wħud mit-tranżazzjonijiet, iżda mhux kollha. Fil-Qorti xehed ukoll l-eks impjegatur tal-akkużat li minn naħa tiegħu sostna li dawn in-nuqqasijiet finanzjarji qatt ma kienu ġraw qabel mal-klijenti inkwistjoni u għalhekk għażel li jinvestiga aktar. Irriżulta li wara stħarriġ li għamel huwa, l-istess kont bankarju użat f’każ ieħor ta’ frodi allegatament imwettaq mill-akkużat kien preżenti fis-sistema tagħhom.

Il-Qorti semgħet kif l-akkużat kien impjegat mal-kumpanija minn Diċembru 2017 sa Frar 2019 bħala konsulent finanzjarju. Bħala parti mir-rwol tiegħu, huwa kellu aċċess għal kontijiet u informazzjoni tal-klijenti.

Interessanti wkoll li fil-Qorti ħareġ li wara li l-akkużat kellu l-impjieg tiegħu mitmum, il-passwords dammu biex jinbidlu sa’ Lulju u għalhekk ir-raġel kellu aċċess kontinwu għal dejta sensittiva.

Apparti minn hekk il-prosekuzzjoni talbet sabiex jiġi maħtur espert li janalizza l-app diġitali ta’ Revolut li kienet instrumentali fil-każ.
Il-każ ikompli l-ġimgħa d-dieħla.

L-ispettur Joseph Xerri u Doriette Cuschieri mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukat Ezekiel Psaila kien l-avukat tad-difiża. L-avukati Stefano Filletti u Maruice Meli dehru għall-kumpanija.

More in Qrati u Pulizija