Tmien xhur ħabs wara li nqabad fl-Ajruport b'passaport falz

L-akkużat se jiġi deportat lura lejn pajjiżu wara li jservi s-sentenza.

Raġel ta’ 36 sena mill-Albanija illum intbgħat tmien xhur ħabs wara li prova jivvjaġġa minn Malta b’passaport falz.

L-Ispettur Lara Butters spjegat li r-raġel prova jitlaq minn Malta lejn Dublin fir-Repubblika tal-Irlanda nhar is-Sibt li għadda għal ħabta ta’ 11:30 am. Kien hawnhekk li huwa nqabad b’passaport falz. Aktar tard il-passaport proprja tiegħu nstab f'ġakketa li kellu merfugħa fil-bagalja.

Fil-Qorti huwa ġie mixli li bagħbas u ħoloq passaport falz u li pprova jivvjaġġa bih.

Ir-raġel wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, bil-Qorti tikkundannah is-sentenza ta’ tmien xhur ħabs. L-akkużat se jiġi deportat lura lejn pajjiżu wara li jservi s-sentenza.

More in Qrati u Pulizija