Sitt xhur ħabs għal żagħżugħ li seraq minn diversi appartamenti tat-turisti

Il-Qorti ordnat ukoll li ż-żagħżugħ jitpoġġa taħt ordni ta’ trattament għal tliet snin. 

Żagħżugħ ta’ 17-il sena li fil-Qorti ddikjara lilu nnifsu bħala alkoħoliku, illum ingħata s-sentenza ta’ sitt xhur ħabs wara li nstab ħati ta' diversi serqiet minn appartamenti tat-turisti.

Il-Qorti ordnat ukoll li ż-żagħżugħ jitpoġġa taħt ordni ta’ trattament għal tliet snin. 

Iż-żagħżugħ li jgħix fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far kien ġie arrestat f’San Ġiljan wara li Pulizija ssuspettat fih. Wara li kien ġie mistoqsi mill-Pulizija, huwa ġie rikonoxxut bħala persuna ta' interess li kienet qed tiġi mfittxija għall-arrest.

Skont il-prosekuzzjoni f'dawn is-serqiet huwa kien ħa: flus, mowbajl u oġġetti oħra minn appartamenti tat-turisti.

L-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, bl-avukat tiegħu, Simon Micallef Stafrace jappella lill-Qorti sabiex tikkonsidra sentenza ta’ 'probation' minħabba l-fatt li dan kien l-ewwel reat tal-akkużat.

Madankollu, il-Maġistrat Joe Mifsud qal li s-serq tal-akkużat kien ta' natura serja u għalhekk il-Qorti ordnat li l-akkużat jintbagħat sitt xhur ħabs u li jitpoġġa taħt ordni ta’ trattament għall-tliet snin. Il-Maġistrat irrakkomanda li l-akkużat jitpoġġa fis-sezzjoni tal-YOURS, fl-Imtaħleb.

More in Qrati u Pulizija