Raġel akkużat bi vjolenza domestika jgħid li qabżitlu wara snin jissapporti

Raġel akkużat illi kkawża ġrieħi gravi lil martu jgħid li kien hu l-vittma ta' insulti mingħand martu u fl-aħħar, irritalja

Raġel akkużat bi vjolenza domestika fuq martu qal illi hu wkoll kien vittma ta' vjolenza domestika minn martu, sakemm fl-aħħar qabżitlu. 

Il-proċeduri fil-Qorti saru bl-Ingliż għall-benefiċċju tal-akkużat ta' 32 sena mill-Pakistan. Hu qed ikun akkużat illi kkaġuna ġrieħi ħfief lil martu waqt argument li kellhom ilbieraħ waranofsinhar. 

L-akkużat qed jgħid li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. 

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Matthew Galea qal illi qed joġġezzjona għax-xewqa tad-difiża illi r-raġel jingħata l-ħelsien mill-arrest.  Id-difiża fakkret illi m'hemmx theddida għall-mara u li dan l-inċident seħħ darba biss. Qalet ukoll illi kien l-akkużat illi fil-fatt kien qed ibati minn vjolenza domestika, mhux il-kontra. 

"Kien ipprovokat u fis-saħna tal-mument ipprova jiġġieled lura," qalet id-difiża. 

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit staqsiet lill-akkużat għalfejn qatt ma rrapporta lil martu ladarba kien qed jgħid li kien vittma hu ta' vjolenza domestika, bir-raġel jgħid illi m'għamel xejn f'ġieħ it-tifel tagħhom ta' tliet snin.

Wara li semgħet lill-partijiet il-Qorti tat lill-akkużat il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta' €300 u garanzija personali ta' €8,000. 

Il-Qorti talbet l-assigurazzjoni mingħand l-akkużat li ma jersaqx lejn it-tifel sakemm tixhed il-mara, bl-akkużat iwieġeb fl-affermattiv.

More in Qrati u Pulizija