Jinħeles minn kull akkuża bouncer mixli li kiser imnieħer raġel waqt ġlieda f'Paceville

Jinħeles minn kull akkuża minħabba n-nuqqas ta' evidenza adegwata u suffiċjenti. Il-każ immur lura għas-sena 2016.

Illum il-Qorti ma sabitx lil bouncer Serb ħati li f'Marzu tal-2016 sawwat u darab b'mod gravi lil raġel li kien qiegħed fi stabbiliment tad-divertiment f'Paceville.

Sentejn ilu l-allegat vittma kien għamel rapport mal-Pulizija wara li skontu, erba' bouncers tawh xebgħa f'Paceville. Skont ir-rapport tal-Pulizija, il-ġuvni kien ġie msawwat minn diversi bouncers barra l-istabbiliment tad-divertiment bil-konsegwenza li  jsofri ksur fi mnieħru u ġrieħi gravi f'wiċċu.

L-Ispettur Matthew Spagnol xehed fil-Qort illi, l-Pulizija kienet elevat il-filmati tas-sigurtà li minnhom ġew identifikati tnejn mill-erba' bouncers. Skont l-Ispettur, waqt l-interogazzjoni l-akkużat identifika ruħu bħala wieħed minn dawk il-persuni involuti fil-ġlieda. Iżda minkejja li ikkonferma l-preżenza tiegħu fil-filmati, l-akkużat ċaħad li kkaġuna feriti lil xi persuni.

Huwa kien spjega li kien hemm ġlieda fil-gallarija tal-istabbiliment u li kien ipprova joħroqġ lil xi persuni Maltin barra mill-istabbiliment mingħajr ma jiġġieldu, iżda meta dawn ħarġu 'l barra xorta waħda komplew jiġġieldu u ħolqu konfużjoni sħiħa. Huwa kkonferma wkoll li kien hemm żewġ persuni oħra jaħdmu bħala uffiċjali tas-sigurtà kif ukoll persuni oħra minn stabbilimenti oħra.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti osservat li ma xehed l-ebda persuna biex jikkonferma li l-filmati elevati mis-CCTV u l-filmati tat-telefon ċellulari kienu fil-fatt meħuda mill-istabbilimenti in kwistjoni. "Fl-istess waqt," argumentat il-Qorti, "la l-akkużat u lanqas l-vittma ma kienu identifikabbli fil-filmati."

Il-Maġistrat Rachel Montebello nnutat ukoll li l-ħbieb tal-vittma qatt ma ġew jixhdu u li l-vittma naqset milli tidentifika lill-akkużat bħala l-persuna li kkaġuna dawn il-ġrieħi. "L-akkużat ma jitkellimx bil-Malti iżda l-vittma kienet ġiet mitkellma bil-Malti mill-bouncer li ta daqqa ta' ponn f'wiċċha."

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti qalet li l-provi mressqa mill-prosekuzzjoni kienu insuffiċjenti u li kien impossibbli li tasal għall-konklużjoni. Fuq l-akkuża li r-raġel ħadem bħala bouncer mingħajr il-liċenzja meħtieġa, il-Qorti reġgħet irrimarkat illi "l-prosekuzzjoni ma resqet assolutament l-ebda prova biex issostni din l-akkuża."

Fid-dawl ta’ dan l-akkużat ġie lliberat minn kull akkuża.

 

More in Qrati u Pulizija