Offriet l-indirizz tagħha biex raġel jingħata l-ħelsien mill-arrest u spiċċat arrestata

Il-Pulizija marru jassiguraw li r-raġel vera kien qed jgħix mal-mara iżda ma sabuhx

Mara li offriet l-indirizz tagħha biex raġel ikun jista’ jingħata l-ħelsien mill-arrest, spiċċat il-Qorti wara li l-Pulizija sabu li r-raġel ma kienx qed jgħix f’dak l-indirizz.

Il-mara, li għandha 32 sena u residenti l-Ħamrun, tressqet il-Qorti taħt arrest akkużata li tat xhieda falza meta xehdet fil-każ tar-raġel mill-Georgia, li qed ikun akkużat b’sensiela ta’ serq.

Ir-raġel kien arrestat wara li l-Pulizija spiċċat tiġri warajh fuq il-bjut fil-Fgura.

Fil-11 ta’ Lulju li għadda, waqt li kienet qed tinstema’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest tar-raġel, il-mara dehret quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera u offriet l-indirizz tagħha, waqt li saħqet li r-raġel kien se jkun qed jgħix magħha.

Iżda meta l-Pulizija marru d-dar tagħha biex jiċċekjaw jekk ir-raġel kienx hemm, ma sabuhx.

Hija ġiet arrestata minnufih u aktar tard anke r-raġel.

Il-mara wieġbet ħatja u ngħatat tliet snin probation.

Aktar tard tressaq ukoll ir-raġel akkużat, li wieġeb mhux ħati u nżamm arrest

More in Qrati u Pulizija