Surġent li ma kienx xogħol jarresta raġel li seraq vettura

Ir-raġel tressaq il-Qorti llum, wieġeb ħati u ngħata sentenza ta' 14-il xahar ħabs

Surġent tal-Pulizija li nzerta ma kienx xogħol, arresta raġel li kien għadu kemm seraq karozza wara li għaraf in-numru tal-pjanċa tal-vettura misruqa.

Ir-raġel li għandu 31 sena u li huwa mis-Somalja, tressaq il-Qorti llum akkużat b’serq aggravat.

Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel seraq il-karozza fid-dawl tax-xemx, madwar it-3pm jew l-4pm ta’ waranofsinhar tat-18 ta’ Lulju fil-Furjana.

Huwa kien akkużat ukoll li seraq mowbajl u li saq il-vettura misruqa mingħajr liċenzja jew polza tal-assigurazzjoni.

L-Ispettur Dayrl Borg spjega kif ir-raġel kien arrestat jumejn wara li seħħet is-serqa, meta s-Surġent Jean Zahra lemaħ il-karozza waqt li kien fi triqtu lejn ix-xogħol.

Skont il-Pulizija, ir-raġel kien identifikat ukoll minn kameras tas-CCTV.

Ir-raġel wieġeb ħati u ngħata sentenza ta’ 14-il xahar ħabs.

More in Qrati u Pulizija