Qorti | Sitt xhur ħabs għal raġel li nqabad bid-droga u l-armi

Skont ix-xhieda tal-Psikjatra li eżamina l-akkużat, il-kundizzjoni psikoloġika tar-raġel intesifikat l-imġieba u l-azzjonijiet tiegħu.

Illum raġel ta’ 44 sena ingħata sentenza ta’ sitt xhur ħabs wara li nstab ħati b'pusses ta' droga, ħsara lil proprjetà privata, sewqan perikoluż u li kien reċidiv.

Ir-raġel kien ġie arrestat lura għall-Awwissu tal-2012 wara li kien iprova jaħrab bil-karozza mill-Pulizija. Waqt dan kollu huwa kien saħansitra laqat karozza u saq fuq il-bankina sakemm imbagħad spiċċa mwaħħal fi triq li ma twassal imkien.Waqt li l-Pulizija kienu qiegħdin jippruvaw jaqbdu lill-akkużat huma kienu lemħuh iwaddab xi ħaġa mit-tieqa tal-karozza. Aktar tard l-investigaturi kkonfermaw li din kienet borża eroina.

Wara l-arrest tiegħu, il-Pulizija għamlet rejd f'razzett f’Ta’ Qali li allegatament l-akkużat kien iżur ta’ spiss. Hemmhekk huma sabu boroż mimlija eroina u kokaina, żewġ xkubetti u €60,000 fi flus kontanti li kienu mirduma fil-ħamrija.

Illum il-Qorti semgħet ukoll ix-xhieda tal-Psikjatra tal-akkużat, li skontu l-kundizzjoni psikoloġika tar-raġel intesifikat l-imġieba u l-azzjonijiet tiegħu.

Wara li semgħet dan kollu l-Qorti qalet li ma kinitx sodisfatta li l-akkużat kellu dan l-ammont ta’ droga li kien se jbigħ lil nies oħra. Minkejja dan, il-flus li nstabu fir-razzett ma setgħux jiġu marbuta mal-bejgħ tad-droga, hekk kif missier l-akkużat qal li dawn ġew mill-bejgħ tal-proprjetà.

B’hekk mid-disa’ akkużi li kien qiegħed jiffaċċja, r-raġel instab ħati fuq l-akkużi li; kellu żewġ armi tan-nar mingħajr permess, ħsara lil proprjetà privata, sewqan perikoluż, li kien reċidiv u pussess ta’ droga.

Fid-dawl t’hekk il-Qorti kkundanatu sentenza ta’ sitt xhur ħabs u ordnat il-konfiska tal-armi u li d-droga li nstabet tiġi meqruda. 

Neville Camilleri ppreseda l-każ, filwaqt li s-Supritendent Johann Camilleri mexxa l-prosekuzzjoni. Edward Gatt deher għall-akkużat.

More in Qrati u Pulizija