Traffikar fjuwil | Il-Qorti tilqa' l-mandat ta' inibizzjoni li Gordon Debono talab kontra l-Gvern

Gordon Debono għamel dan biex iwaqqaf lill-Gvern milli japplika għal sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Magħquda kontrih

Darren Debono u Gordon Debono
Darren Debono u Gordon Debono

Il-Qorti laqgħet b’mod proviżorju it-talba għal mandat ta’ inibizzjoni, li għamel Gordon Debono, suspettat li kien qed jitraffika l-fjuwil, biex il-Gvern Malti ma jkunx jista’ japplika għal sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Magħquda kontrih.

Darren u Godon Debono kienu arrestati f’Settembru tal-2017 mill-Pulizija Taljana f’Lampedusa u Katanja wara l-arrest ta’ Fahmi Slim Bin Khalifa, magħruf fil-Libja bħala wieħed mill-akbar traffikanti tal-fjuwil.

Tlett ijiem ilu, il-MaltaToday irrappurtat kif ir-Russja bblokkat talba mill-Gvern Malti għal sanzjonijiet kontra ż-żewġ suspettati, liema talba kellha l-appoġġ totali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda u anke tal-membri l-oħra membri.

Madanakollu, fit-talba tiegħu quddiem l-Ewwel Awla tal-Qorti Ċivili, Gordon Debono saħaq li hu qatt ma kien mgħarraf dwar investigazzjoni f’Malta dwaru.

Insista li l-uniku investigazzjoni li jaf biha hija dik li qed jagħmlu l-Qrati Taljani.

Il-Qortin Taljana kienet ordnat li hu jinħeles mill-arrest, fosthom għax il-kondotta tiegħu kienet waħda nadifa, qed jinsisti l-Avukat tiegħu, Roberto Montalto.

Normalment, mandati ta’ inbizzjoni jintlaqgħu b’mod proviżjorju sakemm il-Qorti tisma’ l-evidenza u s-sottomissjonijiet tal-partijiet, qabel ma tiddikjara l-ġudizzju finali tagħha.

More in Qrati u Pulizija