Qorti | Heddidha li jisplodi lilha u lil bintha

Raġel jinżamm arrestat wara illi jhedded lill-eks sieħba tiegħu

Raġel li faqa' l-windscreen tal-karozza tal-eks maħbuba tiegħu u li heddidha illi jisplodi lilha u lil bintha, inżamm taħt arrest. 

Ir-raġel ta' 29 sena minn Ħaż Żebbuġ tressaq il-Qorti dalgħodu quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella u kien akkużat illi kkawża ħsara kriminali, li ġiegħel lill-mara tibża' illi se tintuża l-vjolenza kontriha, li insultaha u heddidha, li kiser il-paċi pubblika u li kien qed isuq mingħajr liċenzja. Hu kien diġa' ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq akkużi ta' droga. 

L-Ispettur Alfredo Mangion spjega kif l-argument bejn it-tnejn dwar il-mowbajl tiegħu kiber u li l-akkużat kien qal lill-Pulizija illi jekk terġa tkellmu jifqagħlha snienha. 

L-Avukat Kathleen Grima, li qed tidher għall-akkużat qalet illi hu u l-mara kellhom relazzjoni ta' sentejn u li r-raġel kien qed irabbi lit-tifla tal-mara daqs li kieku kienet tiegħu. Qalet li sa ġimagħtejn ilu kollox kien sew imma l-vittma, allegatament, ħaditlu l-mowbajl u hu riedu lura. 

Hija qalet lill-Qorti illi l-mowbajl għandu l-provi, fosthom b'rekordings, li huma kruċjali għad-difiża.

Il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest u qalet illi l-akkużat ma jistax ikun afdat. 

More in Qrati u Pulizija