Sitt snin ħabs għall-frodist li kien juża ċekkijiet foloz f'banek tal-lottu

Ir-raġel kien seraq dawn iċ-ċekkijiet fl-2012

Ritratt | Arkivji
Ritratt | Arkivji

Raġel ta’ 32 sena mill-Gżira ġie kkundannat sitt snin ħabs wara li nstab ħati li għamel użu minn ċekkijiet foloz bl-għan li jinganna l-banek tal-lottu.

Fil-Qorti huwa kien mixli b’serq, iffalsifikar ta’ dokumenti u li għamel użu minn ċekkijiet foloz. L-ispettur Joseph Busuttil u Saviour Baldacchino spjegaw il-mod ta’ kif il-frodist kien qed jopera.

Apparentement, ir-raġel kien jżur diversi banek tal-lottu u jitlob biljett. Huwa kien jaf li jekk jgħaddu ħames minuti mill-mument li joħroġ il-biljett mill-kaxxiera, dan ma kienx possibbli li jkun ikkanċellat. Ir-raġel kien imbagħad joħroġ bl-iskuża li ma setgħax iħallas bi flus kontanti u għalhekk joffri pagament b’ċekk. Ġaladarba l-biljett ma kienx possibbli li jiġi annullat, il-banek tal-lottu kienu jispiċċaw jaċċettaw dawn iċ-ċekkijiet li l-imputat kien seraq fl-2012 minn ġewwa uffiċju.

Huwa kien ukoll akkużat li seraq laptop, generator, żewġ telvixins, żewġ printers u keyboard mill-istess uffiċċju. 

Finalment il-banek tal-lottu bdew ixxerrdu ritratt tar-raġel u jwissu dwar l-azzjonijiet tiegħu.

 Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat Joe Mifsud qal li l-akkużat kellu problema serja tad-droga li ppersistiet anke fl-istadju ta’ riabilitazzjoni. Minkejja dan il-Qorti qalet li ma setgħetx tinjora l-fatt li l-akkużat kellu diversi opportunitajiet sabiex jirriforma ruħu, iżda remihom. Fid-dawl t’hekk huwa ġie kkundannat is-sentenza ta’ sitt snin ħabs.

More in Qrati u Pulizija