Repubblika titlob lill-Prim Imħallef biex jastjeni mill-każ kostituzzjonali

F'Mejju li għadda il-Qorti m'aċċettatx talba tal-għaqda Repubblika biex jkunux maħturin iktar Maġistrati u Imħallfin sakemm tinstema' l-kawża li fetħu huma

Il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi
Il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi

Illum fil-Qorti, l-NGO Repubblika talbet lill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi sabiex jastjeni milli jippresjedi l-appell ippreżentat mill-istess għaqda fil-każ kostutizzjonali fir-rigward tal-ħatra tal-membri ġodda tal-ġudikatura.

F'Mejju li għadda il-Qorti m'aċċettatx talba tal-għaqda Repubblika biex jkunux maħturin iktar Maġistrati u Imħallfin sakemm tinstema' l-kawża li fetħu dwar il-ħatra tal-aħħar sitta minn nies fil-ġudikatura. 

It-talba tal-avukati ta’ Repubblika, Jason Azzopardi u Simon Busuttil ħasdet lill-Prim Imħallef li minn naħa tiegħu talab lil avukat biex jispjega lilu nnifsu.

Azzopardi sostna li għalkemm l-integrità tal-Prim Imħallef ma kienetx qed tiġi ddubitata xorta jibqa’ l-fatt li attwalment il-Prim Imħallef huwa inkarigat mir-rakkomandazzjonijiet tal-ħatriet kif ukoll issa, mid-deċiżjoni tal-Qorti li taf tara ħatriet ta’ membri ġodda tal-ġudikatura riveduti.

Azzopardi qal li kieku din it-talba tiġi miċħuda kienet se tikkawża “skiżofrenija ġudizzjarja.”

 Minn naħa l-oħra, l-Avukat Ġenerali Peter Grech qal li l-Prim Imħallef għamel biss rakkomandazzjonijiet rigward maġistrati jew imħallfin prospettivi. Żied jgħid li l-Prim Imħallef qatt ma tkellem dwar id-dettalji tal-każ preżenti.
 
Wara li sema’ liż-żewġ partijiet il-Prim Imħallef Azzopardi aġġorna l-każ għall-ġimgħa d-dieħla.

Jekk il-ġimgħa d-dieħla it-talba ta’ Repubblika tiġi miċħuda, il-Qorti imbagħad tkun tista' tipproċedi sabiex tisma’ l-appell.

More in Qrati u Pulizija