Filmat | Lanqas stilla waħda ma jixraqilha! Lukanda mġiegħlha tagħlaq

L-MTA f'Tas Sliema biex tinforza l-għeluq tal-lukanda Park Hotel..

Il-Park Hotel
Il-Park Hotel

Hekk kif ilbieraħ, il-Qorti tal-Appell ġabet fis-seħħ avviż ta’ infurzar mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kontra l-Park Hotel f’Tas-Sliema, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu avżat lit-tmexxija tal-Park Hotel biex tagħlaq il-lukanda. Hija wissietha wkoll biex ma taċċettax aktar turisti u biex it-turisti li hemm bħalissa jinstabilhom post ieħor.

Il-Qorti lbieraħ iddikjarat kif din il-lukanda lanqas biss jixraqilha li jkollha stilla waħda. Din l-azzjoni fil-fatt se tkun qed iseħħ wara azzjoni oħra li ttieħdet mill-istess MTA hekk kif din ħarġet ordni ta' infurzar nhar l-20 ta' Ġunju 2017. 

Preżentament, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed tieħu ħsieb li dawn it-turisti jiġu akkomodati f’lukandi oħra ta’ livell indaqs għal dik li bbukjaw dawn it-turisti. Bħalissa it-turisti li qegħdin preżentament fil-lukanda jistgħu jagħżlu li jiġu rilokati f’lukandi oħra. F’każ li jibqgħu hemm sakemm itemmu l-btala tagħhom, dlonk xħin jitlaq l-aħħar turist, il-lukanda tagħlaq il-bibien tagħha. Dawk it-turisti li ibbukjaw biex jaslu fil-hotel mid-9 ta’ lulju diġa qiegħdin jiġu rilokati għal lukandi oħrajn.

F’dan ir-rigward, uffiċjali tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu ħadu l-pussess tal-lukanda sabiex tiġi operata sakemm din tingħalaq għal kollox. L-Awtorita’ għanda l-irwol li tassigura li dawn it-turisti jiġu ttrattati tajjeb u bl-inqas inkonvenjent possibli.

Minn naħa tagħhom is-sidien tal-lukanda qalu fl-appell tagħhom li tilfu lbieraħ illi n-nuqqsijiet kienu żgħar u mhux ta' natura gravi, li kien għadu kif sar investiment ta' €500,000 fl-istess lukanda u li m'hemm ebda raġuni legali biex din il-lukanda tingħalaq. 

"Illi mhux talli hekk, talli mill-infurzar li huwa kkontestat sal-lum, saru prattikament ix-xogħolijiet rikjesti mill-MTA kollha, tant li l-probabilita` hija li sa l-ahhar ta’ l-appell ikun spiċċa superfluwu," qalu s-sidien. 

Il-lukanda hija mmexxija minn CCC Ltd. u qed tidher Esther Camilleri. 

More in Qrati u Pulizija