Ħabs għal bint li abbużat mill-prokura li għamlitilha ommha biex serqitilha eluf ta' ewro

L-anzjana spiċċat ma kellha xejn taħt rasha biex setgħet taffordja tidħol f'dar tal-anzjani

Mara li abbużat mill-prokura li għamlitilha ommha ngħatat sentenza ta’ erba’ snin ħabs waqt li ġiet ordnata tħallas lura madwar €30,500 fi flus u oġġetti li serqitilha.

Il-mara ttellgħet il-Qorti wara li ommha għamlet rapport fl-Għassa ta’ Birkirkara tisħaq li waħda minn uliedha ġibditilha ‘l fuq minn €30,000 mill-kontijiet li għandha l-bank.

L-anzjana rrappurtat ukoll kif l-istess bintha qabdet u biegħhet stocks u bonds, fost affarijiet oħra li ħaditilha tad-deheb.

L-akkużata kienet ilha snin tgħix flimkien ma’ żewġha ma’ ommha.

Il-bint kienet akkużata b’miżaproprijazzjoni ta’ fluf li seħħ fuq perjodu ta’ 12-il xahar.

Min-naħa tagħha l-akkużata qed tinsisti li hi dejjem imxiet fuq l-istruzzjonijiet ta’ ommha u li l-flus ġibdithom biex taqsamhom ma’ ħutha.

Madanakollu, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech saħqet li x-xhieda tal-akkużata kienet mimlija “ħrejjef u gideb,” waqt li dik tal-anzjana kienet ikkonfermata minn evidenza ddokumentata.

Fil-Qorti nstema’ kif ħadd minn ħut l-akkużata ma rċieva xejn mill-flus li kienu qed jinġibdu u dan minkejja li hi xehdet mod ieħor.

Il-Maġistrat, fis-sentenza tagħha saħqet li l-akkużata baqgħet lanqas qatt ma ġabet evidenza waħda biex turi kif ħafna mit-tranżazzjonijiet li saru, fosthom fi ħwienet tal-ħwejjeġ, supermarkets, lukanda u anke beauty salon, saru bil-permess tal-omm.

Fil-fatt, fi 48 siegħa biss nġibdu €25,000 u kienu jinġibdu b’mod regolari mijiet ta’ ewro oħra.

Fil-Qorti nstema’ kif dan kollu wassal biex l-anzjana ma setgħetx taffordja tidħol f’dar tal-anzjani fejn xtaqet li tgħix l-aħħar żmien ta’ ħajjitha.

Kien għalhekk li l-mara nstabet ħatja u ġiet ordnata tirritorna €30,466.25 u diversi oġġetti oħra tad-deheb, bil-Maġistrat tisħaq li din is-sentenza għandha sservi ta’ deterrent għal min jipprova jabbuża minn persuni vulnerabbli.

Il-Maġistrat Frendo Dimech ordnat ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga lil ħu l-akkużat wara suspett li dan ifabbrika x-xhieda tiegħu biex jgħin lil oħtu.

More in Qrati u Pulizija