Raġel akkużat li stupra tifla ta’ seba’ snin li tiġi minnu

Ir-raġel inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi 

Raġel ta’ 52 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li abbuża sesswalment lit-tifla tal-kuġin/a tiegħu li għandha biss seba’ snin.

L-akkużat tressaq quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello llum. L-Ispettur Joseph Busuttil akkużah b’attakk vjolenti u indiċenti fuq it-tifla, li kellu x’jaqsam sesswalment ma’ persuna taħt l-eta, li kkorrompa tifla ta’ seba’ snin, li kien fil-pussess ta’ pornografija tat-tfal u li sar reċidiv.

Ir-raġel ġie arrestat wara li l-ġenituri tat-tifla marru fl-Għassa tal-Belt Valletta biex jirrappurtaw lir-raġel. Fl-istess ħinijiet għamlet rapport counsellor tal-iskola tat-tifla wara li din qasmet magħha dak li kien għamlilha r-raġel.

L-Ispettur qal li waqt l-interogazzjoni r-raġel wieġeb ħati waqt li spjega li huwa jgħix fl-istess blokka ta’ appartamenti fejn tgħix it-tifla.

Il-Qorti staqsiet lill-akkużat jekk kienx qed iwieġeb ħati waqt li wissietu li jista’ jeħel sa 20 sena ħabs.

L-Avukat tad-Difiża, Malcomn Mifsud, qal li r-raġel qed iwieġeb mhux ħati iżda ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.

It-tifla mistennija tixhed permezz ta’ filmat.

More in Qrati u Pulizija